AD tħeġġeġ galbu għall-ħlas lura tad-dejn mill-Greċja

Alternattiva Demokratika appellat biex il-Griegi jingħataw iktar possibiltà li jħallsu d-dejn tagħhom mingħajr ma jkabbru l-kriżi fuq livell soċjali fil-pajjiż.
Iċ-Chairperson tal-AD, Arnold Cassola, qal li l-laqgħat t’għada fi Brussell huma kruċjali u hu evidenti li l-Greċja trid tħallas id-dejn tagħha mal-pajjiżi differenti, inkluż Malta, b’mod sħiħ.
Madankollu appella biex dan isir b’mod li ma jkomplix jolqot b’mod ħażin lis-soċjetà Griega.
Il-ko-presidenti tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew, Rebecca Harms u Philippe Lamberts, laqgħu l-aħbar li l-Greċja u l-kredituri tagħha jinsabu qrib ta’ ftehim waqt li saħqu li din hi l-ikbar opportunità li qed tingħata u ż-żewġ partijiet għandhom ifittxu soluzzjoni.
Ħeġġew biex il-ħlas lura tad-dejn ikun marbut mal-iżvilupp ekonomiku tal-Greċja waqt li l-Gvern Grieg għandu jimpenja ruħu li jara li l-istituzzjonijiet tal-istat jerġgħu jibdew jaħdmu b’mod effettiv waqt li l-pensjonijiet ikunu ġusti u ċ-ċittadini jerġgħu jibdew ikollhom id-dritt ta’ benefiċċji tal-mard u tal-qgħad.