AD: Malta trid tilqa’ l-immigranti li hemm abbord l-MV Salamis

Alternattiva Demokratika tinnota b’dispjaċir il-logħba li qed jilgħabu Malta, l-Italja, l-Libja u l-Unjoni Ewropeja bl-immigranti abbord it-tanker MV Salamis.

Iċ-Chairperson tal-Alternattiva, Arnold Cassola, qal li filwaqt li ħadd ma jrid iċedi xejn l-immigranti qegħdin fin-nofs ma jafux jekk hux ser jintbagħtu lura fejn ħajjithom hi taħt theddida.

Cassola qal li filwaqt li kull pajjiż fl-Unjoni Ewropeja, xi 22 minnhom immexxija minn Soċjalisti u Demokristjani, hareg avviżi li l-Libja mhux post sigur, hu tal-biki li jkun hemm min jippretendi li dawn jintbagħtu lura l-Libja.

Arnold Cassola qal li Joseph Muscat u Simon Busuttil qed jilgħabu għall-gallarija meta qed jappoġġaw lil xulxin biex Malta u l-Italja it-tnejn flimkien jaħslu idejhom mir-responsabbiltajiet umanitarji.

Fl-istess waqt, id-Deputat Ċerpersin tal-Alternattiva, Carmel Cacopardo qal li fic-cirkustanzi kif żviluppaw, ir-responsabbilta’ għall-azzjoni umanitarja għandha tintrefa flimkien minn Malta u l-Italja, bl-appoġġ konkret tal-Unjoni Ewropea.