ACN Malta tniedi Rapport tal-2019 dwar il-qagħda tal-Kristjani ppersegwitati

John Pontifex fis-Sirja biex jara s-sitwazzjoni tal-Kristjani ppersegwitati

Ir-rapport tal-2019 dwar il-qagħda tal-insara persegwitati madwar id-dinja jwissi b’mod enfatiku li l-Kristjaneżmu qed jisparixxi mil-Lvant Nofsani peress li, minkejja r-rebħa fuq l-ISIS, l-impatt tal-ġenoċidji wassal għall-eżodu ta’ numru dejjem jiżdied ta’ fidili.

Eżempju ċar hu t-tnaqqis drastiku tal-Kristjani fl-Iraq fejn sa qabel l-2003 kien hemm 1.5 miljun Kristjan iżda sa nofs l-2019, in-numri tagħhom illum hu ta’ inqas minn 120,000 – tnaqqis ta’ 90 fil-mija tul  ġenerazzjoni waħda.

Eżempju ieħor hu s-Sirja, fejn in-numri ta’ Nsara naqqsu b’żewġ terzi minn meta beda l-kunflitt fl-2011.

Ir-rapport sab li l-persekuzzjoni tal-Kristjani marret għall-agħar l-iktar fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-Asja. F’numru ta’ pajjiżi Afrikani, il-Kristjani huma mhedda mill-Iżlamisti li jfittxu li jeliminaw il-Knisja jew bl-użu tal-forza inkella permezz ta’ mezzi diżonesti, inkluż it-tixħim tan-nies biex jikkonvertu għall-fidi tagħhom.

Tagħrif dwar rapport intitolat “Persecuted and Forgotten? A Report on Christians oppressed for their Faith 2017-2019”    li għadu kemm ħareġ dwar il-mewġa riċenti ta’ persekuzzjoni tal-Kristjani madwar id-dinja se jingħata waqt taħdita li se ssir fil-Corinthia Palace Hotel, Ħ’Attard, illum il-Ġimgħa,  fil-5.00 pm. Ir-rapport imħejji mill-organizazzjoni Aid to the Church in Need (ACN) jiġbor testimonjanzi diretti u jipprovdi analiżi riċenti li jagħtu stampa ċara dwar is-sitwazzjoni preżenti ta’ kif l-Kristjani huma ppersegwitati madwar id-dinja.

Il-preżentazzjoni se ssir mill-ko-editur tiegħu, il-Kap tal-Istampa u l-Informazzjoni tal-Aid to the Church in Need (UK), John Pontifex. Fis-17-il sena li ilu jaħdem għal din l-organizazzjoni Kattolika John ivvjaġġa ħafna fl-Afrika, l-Asja u l-Lvant Nofsani – fejn żar diversi pajjiżi biex ifittex u jiżvela dawn il-fatti li qed iseħħu f’pajjiżi bħall-Pakistan, l-Indja, iċ-Ċina, is-Sudan, l-Eritrea, l-Etjopja, in-Niġerja, Kuba, l-Iraq, l-Iżrael u l-Palestina. Huwa vvjaġġa lejn is-Sirja kull sena għal dawn l-aħħar erba’ snin.

Iż-żjara tiegħu f’Malta hi konformi mal-ħidma tiegħu biex iqajjem kuxjenza dwar il-qagħda tal-Kristjani ppersegwitati u ta’ gruppi ta’ fidi, kemm permezz tal-midja, fost il-politiċi u informaturi oħra tal-opinjoni pubblika.

ACN Malta tistieden lil kulħadd għal dan l-avveniment – li huwa bla ħlas – biex isir jaf aktar dwar is-sitwazzjoni tal-Kristjani, u tiżdied is-solidarjetà mal-Kristjani ppersegwitati madwar id-dinja.