“Aċċess ikkontrollat” għall-kontijiet f’Satabank

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji ordnat lill-Persuna Kompetenti li appuntat hi stess għall-bank Satabank biex jibda proċess fejn il-klijenti jitħallew ikollhom “aċċess ikkontrollat” għad-depożiti tagħhom fuq perjodu taż-żmien. L-Awtorità għadha kif ippubblikat avviż li bih waqqfet l-operat tal-bank.

Diversi gazzetti rrappurtaw kif klijenti tal-bank ħassew l-impatt negattiv wara li nħareġ l-avviż kontra s-Satabank. Illum inħareġ avviż ieħor mill-Awtorità wara li saru diversi konsultazzjonijiet mal-FIAU u l-Bank Ċentrali ta’ Malta skont l-istqarrija MFSA. L-Awtorità spjegat kif il-fondi tal-klijenti se jiġu rilaxxati iżda dan se jkun suġġett għall-kontrolli, u se jkun biss wara dawn il-kontrolli li se jsiru transferimenti ta’ flus. L-Awtorità qalet li se tkun qed titlob li l-klijenti tal-bank jivverifikaw l-identità tagħhom kif ukoll informazzjoni addizjonali u dettalji ta’ kont ieħor f’ġurizdizzjoni fl-Unjoni Ewropea / EEA. Klijenti mingħajr kont bankarju alternattiv qed jkunu mħeġġa li jiftħu kontijiet ġodda.

L-MFSA qalet li l-Persuna Kompetenti se tkun qed tpoġġi l-informazzjoni relevanti dwar kif se jkun qed jitmexxa l-proċess kollu fuq is-sit tal-bank iżda avżat li dan jistgħu jieħu iż-żmien.

Il-bank kellu jgħaddi minn studju estensiv dwar il-kontrolli interni tiegħu relatati mal-ħasil tal-flus u l-liġijiet kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

F’Lulju s-Satabank ngħata multa €60,500 wara li nstab ħati li kien qed jikser l-liġijiet kontra l-immaniġjar tar-riskju.