Acapulco: Cardona jitlef iċ-ċans li jipprova kelmtu

Acapulco Cardona jitlef ċans kelmtu

Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona tilef iċ-ċans li jerġa’ jiftaħ il-każ ta’ libell kontra l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, wara li fil-blogg tagħha allegat li kien żar il-burdell FKK Acapulco fil-Ġermanja. F’Lulju tal-2017, l-operaturi tal-mowbajls lokali ġew ordnati mill-Qorti biex jikkonservaw informazzjoni mill-mowbajl ta’ Cardona li turi minn fejn saru telefonati dakinhar tal-każ.

Fuq Facebook, Matthew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista, qal li Cardona ħalla ż-żmien tal-iskadenza jgħaddi u se jkollu jħallas l-ispejjeż legali tad-difiża. Fi kliem Caruana Galizia, li huwa wieħed mit-tliet subien tal-ġurnalista, din il-mossa turi li Cardona huwa ħati.

Fl-2017, il-Ministru Cardona insista li kien f’lukanda f’Essen fil-Ġermanja, fil-ħin li qed jiġi allegat li żar burdell waqt li kien fuq xogħol tal-Gvern f’Dusseldorf. Kien qal li se jagħti l-prova ta’ dan fil-Qorti. Oħt il-ġurnalista assassinata, Corinne Vella, qalet li l-familja Caruana Galizia ma tridx li jiġi rtirat il-każ li nfetaħ kontra l-ġurnalista mill-Ministru u l-konsulent tiegħu Joe Gerada.

F’Mejju li għadda, iż-żewġ libelli li fetaħ il-Ministru Cardona kontra l-ġurnalista assassinata waqgħu, peress li Cardona ma tfaċċax għas-smigħ u l-familja Caruana Galizia talbet biex jaqgħu l-kawżi.

Newsbook.com.mt ipprova diversi drabi jagħmel kuntatt ma’ Dr Cardona, iżda qatt ma wieġeb. Għaldaqstant bgħatna wkoll mistoqsijiet bl-imejl.