Abort: 97% tal-Maltin kontrih

Kważi n-nies kollha li rrispondew f’sondaġġ dwar l-abort f’Malta qalu li ma jaqblux miegħu, isir meta jsir u għal liema raġuni tkun.
Skont sondaġġ li għamel il-ġurnal MaltaToday,  97% ma qablux mal-abort fi kwalunkwe stadju tat-tqala, tkun xi tkun ir-raġuni, filwaqt li 95% wieġbu li ma jaqblux miegħu tkun xi tkun ir-raġuni, fl-ewwel 3 xhur tat-tqala.
Ġimagħtejn ilu l-Prim Ministru,  Joseph Muscat qal lill-Kunsill tal-Ewropa li l-Gvern Malti m'għandux il-mandat politiku li jiftaħ dibattitu dwar il-legalizzazzjoni tal-abort.
Dr Muscat kien qed iwieġeb lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem Nils Muižnieks li kien saħaq li Malta hija fost l-aktar stati membri tal-UE li toħnoq id-drittijiet tan-nisa, u kien sejjaħ għal dibatittu pubbliku dwar l-abort.
U s-sondaġġ jidher li jikkonferma dan, għax skont l-istatistika miġbura jidher li anki meta ġew mistoqsija jaqblux mal-abort f’ċirkustanzi speċifiċi, liema ċirkustanzi ma ssemmewx b’isimhom, 87% qalu li ma jaqblux.
L-aktar li jaqblu mal-abort meta l-omm tkun f’periklu li tmut, l-inqas jekk l-omm tkun minorenni
Il-parteċipanti ġew mistoqsija mbagħad jaqblux jew le mal-abort skont is-sitwazzjoni.
46% qalu li jaqblu li jsir abort jekk ħajjet l-omm tkun fil-periklu, 27% ma qablux, u 27% li jifdal ma kinux ċerti x’inhu l-aħjar għalihom.
U jekk it-tarbija tkun se titwieled b’diżabbiltà ta’ natura gravi, 67% wieġbu “le” għall-abort, 18% “iva” u l-bqija ma kinux ċerti.
Waqt il-programm Follow-Up fuq RTK, kienet tkellmet omm ta’ tifla bid-down syndrome li qalet li l-ommijiet li jiddeċiedu biex jagħmlu abort għax it-tarbija jkollha diżabbiltà jkunu qed jieħu d-deċiżjoni fuq dak li ma jafux.
Jidher li 15% biss jaqblu mal-abort meta t-tarbija tkun riżultat ta’ stupru, każ li normalment iħalli lil dak li jkun perpless dwar jekk isirx l-abort jew le.
72% qalu li ma jaqblux mal-abort f’dal-każ, u l-bqija ma kinux ċerti xi jwieġbu.
Mill-banda l-oħra jekk l-omm tkun miniorenni u ma jkollhex sapport, 3% biss qalu li jaqblu mal-abort. Min-numri miġbura l-bqija kollha kienu 1erti fit-tweġiba tagħhom.
Min wieġeb xiex?
Is-sondaġġ tal-MaltaToday ikompli juri kif wieġbu l-pateċipanti, skont l-età u anki l-assoċjazzjoni politika tagħhom.
Jidher li l-grupp ta’ parteċipanti li għandhom bejn it-18 u l-35 sena kien aktar permissiv dwar l-abort minn dak il-grupp ta’ bejn is-36 u l-50 sena.
Skont is-sondaġġ, 6% milll-grupp iżgħar fiż-żmien qabel li jkun hemm abort għal kwalunkwe raġuni fl-ewwel 3 xhur tat-tqala.
Dal-grupp ukoll offra l-unika maġġoranza assoluta li qablet mal-abort meta ħajjet l-omm tkun fil-periklu, jiġifieri 52% tal-grupp.
Madankollu, quddiem il-mistoqsija dwar l-abort jekk it-tarbija tkun se titwieled b’diżabbiltajiet severi, kien il-grupp akbar fiż-żmien, jiġifieri dak ta’ bejn is-36 u l-50 sena, li qabel mal-abort, jiġifieri 27% tal-grupp.
Skont lil min ivvutaw?
Finalment, is-sondaġġ wera li, għalkemm b’differenza żgħira ħafna, dawk li fl-elezzjoni li għaddiet ivvutaw lill-Partit Laburista jxaqilbu ftit aktar biex jaqblu mal-abort minn dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista.
Jekk 14% ta’ dawk li vvutaw lill-PL qablu mal-abort fl-ewwel tliet xhur tat-tqala, 8% minn dawk li vvutaw lill-PN wieġbu bl-istess mod.
Dawn iż-żewġ gruppi ta’ votanti ġew affaċċjati bil-mistoqsija dwar abort għal ebda raġuni partikulari fl-ewwel tliet xhur, u hawnhekk 3% biss tal-Laburisti qablu miegħu, u ftit inqas minn 0.5% tan-Nazzjonalisti.