Abela u Scicluna kisru l-liġi bil-ħatra taċ-Chairperson tal-FIAU – Grech

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna li l-ħatra taċ-Chairperson tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna saret bi ksur tal-liġi. Qal li l-ħatra saret ukoll minn wara dahar il-Parlament.

F’konferenza tal-aħbarijiet aktar kmieni llum, Grech qal li l-aġir ta’ Abela u Scicluna juri “l-inkompetenza” u “n-nuqqas ta’ għarfien” fejn jidħlu l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-Parlament dwar ħatriet pubbliċi. Insista li din hija konferma oħra kif Abela qed ikompli fuq il-passi tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Qal li dan qed juri diżrispett lejn l-istituzzjonijiet.

Grech irrimarka li dan huwa aktar relevanti llum wara li l-Parlament Ewropew  wasal fi ftehim li permezz tiegħu, is-Saltna tad-Dritt se tkun kundizzjoni biex l-istati membri tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jużaw fondi tal-Unjoni Ewropea.

Insista li l-Oppożizzjoni mhix se tkun kompliċi “fit-taħwid tal-Prim Ministru u tal-Ministru Edward Scicluna u tistenna li jerfgħu r-responsabbilità tal-aġir illegali tagħhom u jirrimedjaw is-sitwazzjoni billi jibdew jaġixxu skont il-liġi.” Qal li l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Artikolu 38) jipprovdi li meta l-Prim Ministru jkollu l-intenzjoni li jinnomina persuna bħala ċ-Chairman tal-FIAU huwa għandu javża lill-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi sa mill-inqas 20 jum qabel ma jkun jixtieq li l-ħatra ssir effettiva. Dan huwa kumitat fi ħdan il-parlament.

Grech insista li l-Kumitat Permamenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi qatt ma kien infurmat mill-Prim Ministru li huwa kellu l-intenzjoni li jinnomina lis-Sur Jesmond Gatt bħala Chairperson tal-FIAU u dan bi ksur ta’ dak li tipprovdi l-liġi. Qal li l-ħatra saret mingħajr ma sar l-iskrutinju mill-Kumitat dwar il-Ħatriet Pubbliċi u għalhekk il-ħatra kienet illegali.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba Karol Aquilina qal li Abela u Scicluna naqsu milli jimxu mal-proċess stabbilit mill-liġi sabiex ssir il-ħatra taċ-Chairman tal-FIAU. Qal li l-liġi tgħid li biex persuna tinħatar f’din il-kariga, il-Ministru responsabbli, f’dan il-każ il-Prim Ministru, għandu jibgħat ittra lic-Chairman tal-Kumitat tal-Ħatriet Pubbliċi, sabiex jitnieda l-proċess ta’ skrutinju dwar l-individwu u jsir smigħ pubbliku mill-istess kumitat.

Insista li minkejja li l-liġi hija ċara, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Edward Scicluna għamlu din il-ħatra mingħajr l-iskrutinju parlamentari u għalhekk bi ksur tal-liġi. Sostna li din il-kariga hija waħda ta’ importanza kbira hekk kif l-FIAU hija waħda mill-aktar entitajiet pubbliċi li għandha sehem fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fil-pajjiż.