Abela u Fearne jattendu għal sessjoni ta’ analiżi tal-Covid-19 fl-isptar

Robert Abela Chris Fearne Covid-19 sptar Mater Dei
DOI: Omar Camilleri

Il-Prim Ministru Robert Abela u d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne attendew għal sessjoni tal-Covid-19 Incident Command Group fl-Isptar Mater Dei.

Dan il-grupp, li twaqqaf fi Frar, huwa magħmul minn għadd ta’ professjonisti, tobba u konsulenti li jieħdu ħsieb li ssir analiżi immedjata tas-sitwazzjoni kurrenti fl-isptar. Dan bil-għan li l-ħaddiema jantiċipaw minn qabel il-bżonnijiet u jilqgħu bl-aħjar mod possibbli għal kull eventwalità.

Il-grupp huwa ffurmat minn membri permanenti li jirrappreżentaw diversi dipartimenti filwaqt li jingħaqdu oħrajn magħhom skont il-ħtieġa. Permezz tal-Incident Command Group, il-ħaddiema tal-isptar qed jaddattaw skont in-neċessità u jassiguraw li s-servizz tas-saħħa jingħataw kif jixraq.

Fl-istess żjara, Abela u Fearne żaru d-Dipartiment tal-Patoloġija fejn raw kif dan id-dipartiment qed jaħdem biex ilaħħaq mat-testijiet normali tas-sistema tas-saħħa kif ukoll mat-testijiet relatati mal-Covid-19.

Il-Prim Ministru rringrazzja lil dan it-tim tad-dedikazzjoni u tal-ħidma tiegħu. Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru aċċenna għall-importanza li kulħadd jibqa’ jsegwi l-pariri u l-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex l-isptarijiet ikunu jistgħu jibqgħu joffru l-aħjar servizz possibbli.