Read in English.
L-għaqda Repubblika akkużat lill-Prim Ministru Robert Abela u lid-Deputat tiegħu Chris Fearne li qed joffru protezzjoni mafjuża lid-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona.
Fi stqarrija Repubblika qalet li x-xhud Melvin Theuma ta aktar raġunijiet biex wieħed jiddubita l-verità ta’ dak li qal id-Deputat mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona.
Ilbieraħ kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tas-sid tal-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech. Repubblika qalet li mix-xhieda jidher li Chris Cardona huwa “implikat bil-qawwi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.”
“Melvin Theuma qal li jaf b’intermedjarju li aġixxa u ħallas f’isem Chris Cardona. U Melvin Theuma qal li jaf b’theddid magħmul mill-ħabib u kollega ta’ Chris Cardona, David Gatt, biex jgħinu ma jinqabadx għal dan il-qtil,” qalet Repubblika.
Skont Repubblika, il-kariga ta’ Deputat Mexxej fil-PL hija kenn u immunità mil-liġijiet.
“Tista’ toqtol jew tqabbad ‘il min joqtol u ħadd ma jista’ għalik,” qalet Repubblika.
“Iċ-ċaħdiet ta’ Chris Cardona m’huma konvinċenti xejn. Ix-xhieda ta’ Melvin Theuma tiżdied mal-indizji l-oħra li konna nafu bihom: Chris Cardona inqabad jigdeb aktar minn darba dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alfred Degiorgio il-Fulu. Il-partner legali ta’ Chris Cardona, David Gatt, kien akkużat (u ma nstabx ħati) tal-istess serqa li għaliha kien akkużat Vince Muscat il-Koħħu. In-numru ta’ Chris Cardona kien l-uniku numru, waħdu, imniżżel fuq ‘burner phone’ li ntrema’ mill-moll mat-tinda tal-patata, il-kwartieri tal-assassini akkużati li wettqu l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia,” qalet Repubblika.
Repubblika fakkret li Theuma huwa x-xhud fdat mill-istat. Qalet li jew jgħid il-verità inkella jmur il-ħabs u jħallas għal dak li diġà ammetta li għamel.
L-għaqda kkritikat ukoll is-silenzju tal-PM Robert Abela u tad-Deputat PM Chris Fearne.
“Għalqu għajnejhom qisu Chris Cardona kien akkużat b’xi ċuċata, li pparkja ħażin jew li għandu kont tat-taxxa b’lura,” qalet Repubblika.
“Dan is-silenzju, din l-omertà hi wkoll protezzjoni mafjuża. U meta din il-protezzjoni mafjuża tkun ġejja mingħand l-ogħla żewġ ministri tal-gvern, ikollna nirrikonoxxu li f’Mejju 2020 pajjiżna għadu dak li kien f’Diċembru 2019: stat mafjuż,” saħqet l-NGO.
“Jekk Robert Abela jiftakar x’inhu dmiru għandu jipproponi t-tkeċċija ta’ Chris Cardona mill-partit tiegħu illum,” qalet Repubblika
Ilbieraħ Matthew Caruana Galizia qal li filwaqt li Melvin Theuma kien qed isemmi lil Silvio Valletta u lil Chris Cardona beda jaħseb għalfejn il-maġistrat ma tordnax l-arrest tagħhom u biex issir tfittxija fil-mobiles tagħhom. Fuq Facebook it-tifel tal-ġurnalista assassinata qal li l-unika ordni li ħarġet il-Qorti kienet biex in-nies jilbsu l-maskri.
“Din x’sistemà ġudizzjarja hi? Waħda ħażina,” qal Caruana Galizia. Żied jgħid li l-Pulizija kellha tagħmel dan l-arrest mingħajr ma jkollha għalfejn tirċievi struzzjoni minn maġistrat.
Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma’ Chris Cardona dwar l-allegazzjonijiet li saru imma Cardona ma weġibx.
Il-PN jistaqsi x’fih il-mobile ta’ Chris Cardona
Fi stqarrija l-PN staqsa x’fih il-mobile ta’ Chris Cardona.
Il-PN qal li l-mandant tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia qal li jekk jiġi fl-idejn “iwaqqa’ Gvern”.
Fl-istqarrija ffirmata mis-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech il-partit qal li għaddew 24 siegħa minn “xhieda kokkanti fil-Qorti”. Saħaq li Robert Abela waqa’ fil-muta.
Il-PN staqsa jekk hemmx xi patt bejn Robert Abela u Joseph Muscat, x’jaf Chris Cardona fuq Robert Abela, u jekk Abela hux se jitlob lill-pulizija tinvestiga lil Cardona u lil Silvio Valletta.
“Gatt qalli li jekk id-Degiorgios isemmu lil Cardona joqtolhom” – Theuma
Il-punti prinċipali tas-seduta tal-bieraħ:
- Melvin Theuma jgħid li Chris Cardona kien jikkomunika mal-Fulu.
- Theuma ftakar li darba kien ra lil Silvio Valletta fid-dar ta’ Fenech.
- Theuma qal li darba Yorgen Fenech qallu li Adrian Delia kien mar jiekol għandu, iżda ma jafx jekk qalx hekk biex jiffanfra dwar kemm jaf nies.
- Melvin Theuma qal li Yorgen Fenech qallu li Chris Cardona kien iddaħħal l-isptar wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
- Theuma qed jgħid li David Gatt qallu li jekk id-Degiorgios isemmu lil Chris Cardona, hu (Gatt) kien ikun lest li joqtolhom.