Abela se jikkontesta għal mexxej tal-PL

Il-Membru Parlamentari Laburista Robert Abela, esprima l-interess tiegħu li jikkontesta għall-Mexxej tal-Partit Laburista.

Fuq Facebook, Dr Abela qal li “bl-imħabba tal-poplu u l-appoġġ tal-familja warajja, b’umiltà nwieġeb iva għas-sejħa qawwija tan-nies li nitfa’ n-nomina tiegħi għall-ħatra ta’ Mexxej tal-Partit Laburista. Flimkien se nżommu ħajja l-fajjma li tagħmilna kburin b’pajjiżna u bil-Partit Laburista”.


Robert Abela huwa iben il-President Emeritu George Abela u r-raġel ta’ Lydia Abela, is-Segretarju tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.

Ilbieraħ, Newsbook.com.mt ħa kumment lil Abela hekk kif kien ħiereġ mill-Ministeru ta’ Chris Fearne.

Ilbieraħ tard filgħaxija, meta mistoqsi jekk hux se jikkontesta, Dr Robert Abela qal lill-ġurnalista ta’ Newsbook.com.mt, “nitkellmu ma ndumux, insellimlek”.