Abela se jiddeċiedi min se jkun il-Kummissarju l-ġdid – Delia

Kwartieri tal-Pulizija - Police Headquarters Depot
Joseph Giordimaina

Read in English.

Il-PM Robert Abela se jkun hu li jiddeċiedi min se jkun il-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija, skont Adrian Delia.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal dan waqt li kien qed jitkellem fil-Parlament illejla. Kien qed jitkellem dwar it-tibdil fil-liġi dwar il-ħatra tal-Kummissarju li qed jipproponi l-Gvern.

Delia qal li mhux normali li pajjiż ikollu sitt kummissarji tal-Pulizija f’sitt snin. Qal li l-bidla tal-Gvern mhi bidla vera xejn – il-PM se jibqa’ jkun hu li jaħtar u jkeċċi lill-Kummissarju.

Ikkwota wkoll lill-espert legali Dr Kevin Aquilina li qal li mhemmx trasparenza fil-ħatra tal-Kummissarju skont kif propost mill-Gvern. Delia staqsa kif proċess jista’ jkun trasparenti meta l-MPs lanqas se jkunu jafu min ġie l-ewwel fl-eżami għall-Kummissarju.

Delia qal ukoll li l-Gvern qed jgħid li l-Oppożizzjoni tista’ twaqqaf l-għażla tal-PM. Però Adrian Delia qal li Abela għandu jispjega kif dan jista’ jsir.

Delia qal li l-aħħar frażi li beda jħobb juża Abela hi li l-PN qed jitkellem b’mod partiġġjan.

Il-Kap tal-PN saħaq li se jkomplu jisħqu li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jinħatar bl-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Parlament.

Ir-riforma li ppropona l-PM Robert Abela dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija ma tbiddel xejn u hija inkwetanti, skont l-għaqda Repubblika.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-għażla ta’ Kummissarju tal-Pulizija se tibda b’sejħa pubblika hekk kif inhu rakkomandat mill-Kummissjoni Venezja li tisħaq li għandu jkun hemm kompetizzjoni pubblika biex timtela’ din il-kariga.