“Abela parti mix-xibka ta’ ħabi tar-rapport Egrant” – Delia

Arkivji: PN

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li l-Prim Ministru Robert Abela “kien parti mix-xibka ta’ ħabi ta’ dak kollu li kien hemm fir-rapport Egrant”. Huwa spjega dan minħabba li Abela kien il-konsulent legali tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

F’diskors fil-każin tal-Partit Nazzjonalista tan-Naxxar Delia staqsa x’se jkun qed jagħmel Robert Abela dwar Nexia BT, jekk Karl Cini hux se jkun investigat u dwar dak kollu li ħareġ mir-rapport Egrant.

Delia, li beda d-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-predeċessur tiegħu Simon Busuttil, qal li l-ħatra tiegħu fl-ikbar partit politiku Ewropew ġiet fl-istess ġimgħa li Joseph Muscat ġie vvutat bħala l-iktar mexxej korrott fid-dinja.

Kuraġġ lill-partitarji Nazzjonalisti

Filwaqt li temm id-diskors tiegħu b’messaġġ ta’ kuraġġ għall-partitarji Nazzjonalista, Delia qal li huwa d-dmir tal-PN li jkun lest li jintervjeni. Qal li bħalissa m’hemmx ġlieda bejn zewġ partiti iżda sostna li jrid ikun hemm ħidma biex tissalva r-reputazzjoni ta’ Malta.

Temm jgħid li “flimkien il-partit se jqum fuq saqajh minħabba li meta l-pajjiż ikun għaddej mill-għar żminijiet, il-Partit Nazzjonalista jkun l-unika soluzzjoni “.

Kumitat dwar il-Governanza

Dwar il-kumitat ta’ governanza, Delia qal li l-membri ġew maħtura mill-Gvern u għaldaqstant ma nstabux nies retti li jistgħu jħarsu l-governanza tajba. Spjega li bħala segretarju tal-kumitat, il-Prim Ministru Robert Abela ħatar lill-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar. Delia reġa’ tenna li Cutajar għandu jirriżenja minħabba li taħtu, ir-regoli taċ-ċivil inkisru.

Silvio Valletta u Justyne Caruana

Fil-forma ta’ mistoqsija, Delia staqsa jekk il-PM Abela kienx jaf jekk l-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta sifirx ma’ Yorgen Fenech li huwa s-suspettat fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Staqsa wkoll jekk hux se jneħħi lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana li hija l-mara ta’ Valletta minħabba dan il-każ.

Kummissarju tal-Pulizija

Delia stqarr li b’dan il-mod ikun qed juri bidla u mhux biss bit-tneħħija tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, li skont Delia ma kien Kummissarju xejn. Qal ukoll li l-Gvern Laburista ppreżenta din ir-riżenja bħala xi rebħa kbira jew “kapolavur” iżda Delia tenna li dan qatt ma messu ħa din l-ogħla pożizzjoni fil-Pulizija.

Delia tkellem ukoll dwar l-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech. Delia semma kif dakinhar li l-Qorti ddikjarat li kien kiser id-drittijiet fundamentali tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Grech kien qal li ma jara xejn ħażin fix-xogħol li għamel.

Delia qal li jippretendi li jiġu ppubblikati l-kuntratti tal-Electrogas u tal-Vitals minħabba li skontu l-pubbliku għandu dritt ikun jaf f’hiex qed jintefqu flushom.