Abela m’għandux iħabbar deċiżjonijiet nazzjonali fuq il-midja tal-PL – Repubblika

L-għaqda Repubblika qalet li l-PM Robert Abela m’għandux iħabbar deċiżjonijiet nazzjonali fuq il-midja tal-Partit Laburista.

Fi stqarrija Repubblika qalet li dan l-aġir repetut ta’ Abela huwa insult lid-demokrazija.

“Jaqaw Robert Abela jidhirlu li wasal iż-żmien biex jagħlaq ix-xandir nazzjonali u nisimgħu biss ix-xandir tal-partit tiegħu? Aħna insostnu dan mhux għax għandna wisq fiduċja fil-bilanċ u l-imparzjalità tax-xandir nazzjonali. Sfortunatament dan huwa wkoll maħkum mill-Gvern u qed ikun użat u abbużat mill-Gvern,” qalet Repubblika.

L-għaqda żiedet tgħid li minkejja li għaddew ħames xhur mil-ħatra tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela għadu ma ndunax li huwa kien maħtur Prim Ministru u mhux biss mexxej tal-Partit Laburista.

Kull nhar ta’ Ħadd il-mexxejja taż-żewġ partiti l-kbar f’Malta ssoltu jagħmlu xi diskors f’attività politika jew inkella jidhru fuq l-istazzjon tal-televiżjoni jew jitkellmu fuq l-istazzjon tar-radju tal-partit tagħhom. Il-PL għandu l-istazzjon ONE u l-PN għandu l-istazzjon NET.

Illum il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta se tirritorna lura għan-normalità sħiħa fil-15 ta’ Lulju. Ħabbar ukoll li se titneħħa d-dikjarazzjoni tal-istat tal-emerġenza tas-saħħa pubblika. Abela ħabbar dan fuq l-istazzjon tal-PL.