Abela ma jridx jitkellem dwar “il-patt imxajtan”

Robert Abela li qed jaspira li jkun il-mexxej Laburista u  Prim Ministru ġdid ta’ Malta, ma jridx jitkellem iktar dwar dak li ftit ġimgħat ilu sejjaħ bħala “patt imxajtan”.

Skont informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt dan il-patt kien dwar ftehim li l-kandidat aspiranti l-ieħor Chris Fearne, minn Deputat Prim Ministru jsir Prim Ministru, filwaqt li Robert Abela u l-Ministru Ian Borg isiru deputati mexxejja. Skont rapporti, dan “il-patt imxajtan” kellu l-approvazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

F’intervista ma’ Fr Joe Borg, Dr Abela stqarr li “dak li semmejt hu l-passat, il-passat ta’ ġimgħat ilu. Jien ma nħarisx lejn il-passat imma lejn il-futur. Li ġie propost ma ġiex implimentat għax ħadt il-pożizzjonijiet li kelli nieħu. Ma naħsibx li għandi ntawwal iżjed”.

X’kien qal Robert Abela?

Robert Abela, Membru Parlamentari Laburista kien iddikjara li mhux lest jipparteċipa “f’ebda patt imxajtan” li bih jixtri xi siġġu komdu għalih, u jbigħ lil Malta u lil Partit Laburista “kollox mgħotti wara l-iskuża falza tal-għaqda”.

Fil-post tiegħu Abela, li jiġi t-tifel tal-President Emeritu George Abela, qal li jekk ikun parti minn dan il-patt, ikun qiegħed jitgħabba “b’dejn li jitħallas darbtejn u b’kompromessi li jorbtuli idi qabel nibda”.

Huwa kompla jgħid li “l-poter ma jagħmilx bija u m’għandi ebda ambizzjoni rabida u għamja għas-siġġu akkost ta’ kollox, li tfixkel il-ġudizzju tiegħi f’mument hekk delikat għall-pajjiż. L-għaqda tinżamm bl-onestà u l-irġulija u billi timxi bil-korrettezza. Possibbli li minn dan l-inkwiet, għadna ma tgħallimna xejn?”

X’kien “il-patt imxajtan”?

Dan il-patt kien li jkun hemm kandidat wieħed biss għall-kariga ta’ mexxej tal-Partit Laburista, allura ssir elezzjoni malajr u Joseph Muscat jispiċċa minn mexxej tal-PL u minn Prim Ministru qabel il-Milied. Robert Abela u Ian Borg isiru deputati mexxejja.

Sorsi minn kamp oppost għal Abela qalu li l-oġġezzjoni ta’ Abela għal dan, ma kinitx waħda ta’ prinċipju iżda personali. Huma qalu li huwa ried li jkun id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet Parlamentari, ħaġa li jidher li Chris Fearne ma riedx jaċċetta. Skont l-istess patt, kieku Chris Fearne sar Prim Ministru mingħajr kontestazzjoni, kien ineħħi lil Chris Cardona minn Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.  

Mistoqsi fl-istess intervista dwar li Cardona ġġieled bis-saħħa li joħorġu fil-Qorti l-provi mill-coordinates tal-mowbajl, li juru fejn kien meta allegatament kien f’burdell fil-Ġermanja, Robert Abela qal li “kulħadd jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu bl-aħjar mod”. Minflok wieġeb dwar Cardona għadda biex isemmi l-allegazzjonijiet fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Caruana Galizia. Żied jgħid li jekk jiġi biex jaħtar il-kabinett, għandu jara jekk dak l-episodju waħdu jiskwalifikax lil Cardona, filwaqt li semma kif il-Ministru huwa fost dawk li ġab l-aqwa riżultati. Iċċara li jekk jiġi stabbilit li ħa ġurament falz, l-affarijiet jinbidlu.

X’hemm bejn Abela u Borg?

Skont is-sit tal-aħbarijiet Malta Today, Robert Abela kien qed joġġezzjona għal Ian Borg minħabba li dan tal-aħħar kien qrib wisq ta’ Keith Schembri. Schembri qed jiġi investigat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Newsbook.com.mt kien ħabbar li Keith Schembri kien fil-fatt qed imexxi l-kampanja ta’ Ian Borg għal mexxej tal-Partit Laburista. Iżda sorsi qrib il-PL qalu lil Newsbook.com.mt li mhux eskluż li r-rivalità bejn Borg u Abela għandha l-għeruq tagħha f’deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tibni uffiċċju legali fi ħdan l-Awtorità u b’hekk jinqala’ l-barra l-uffiċċju legali ta’ Robert Abela li kien jagħmel xogħol ta’ eluf ta’ ewro għall-Awtorità. L-Awtorità tal-Ippjanar tibqa’ fir-responsabbiltà politika ta’ Ian Borg.

Kritika mill-kamp Laburista

Fl-aħħar jiem, Robert Abela, kien fil-mira tal-kritika ta’ wħud mill-kamp Laburista, fost l-oħrajn mill-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri.

Meta kien mistoqsi dwar l-attakk li għamel fuqu Camilleri, Abela qal li qara dak miktub iżda ma kienx interessat li jidħol f’dibattitu ma’ Camilleri.

Camilleri qal li Abela qatt ma messu kkontesta għall-mexxej tal-Partit Laburista minħabba li fil-kwistjoni tal-UE appoġġja lill-PN. Barra min hekk kien jieħu konsulenzi ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro fi żmien Lawrence Gonzi u baqa’ jeħodhom sal-lum tant li pprefera dawn il-konsulenzi milli post fil-Kabinett Laburista. Camilleri żied jgħid li anke Lydia Abela, mart Robert Abela tieħu kuntratti li jiswew ħafna iżda tagħmel ftit xogħol.

Dwar dan, Robert Abela wieġeb li d-deċiżjoni tiegħu hu ħadha, skont dak li jemmen li hu fl-interess tal-partit u tal-pajjiż. Saħaq li d-deċiżjoni ħadha b’kuraġġ u b’sens ta’ responsabbiltà.

Ara l-intervista sħiħa hawn
Filmat: Robert Abela fuq Newsbook.com.mt