Abela ma jiċħadx xogħol minn ħaddiema tal-Gvern; il-PN jitolbu jirriżenja

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela għandu jerfa’ r-responsabbilità politika wara li l-midja żvelat li qabbad ħaddiema tal-Gvern biex jagħmlu xogħol fid-dar privata tiegħu.
Ilbieraħ fi stqarrija l-Ministru Abela ċaħad li ta xi struzzjonijiet li dan ix-xogħol isir waqt il-ħin tax-xogħol u stqarr li x-xogħol sar is-Sibt. Madanakollu ma ċaħadx li x-xogħol sar minn ħaddiema tal-Gvern.
Fi stqarrija l-PN qal li “il-ħaddiema tal-Gvern huma mħallsin mit-taxxi tan-nies u qegħdin hemm biex jagħtu servizz pubbliku u mhux biex jagħmlu xogħol privat lill-Ministri.”
“Meta l-Ministru Abela jrid jagħmel xi xogħol fid-dar tiegħu, għandu joħroġ il-flus minn butu, kif jagħmlu n-nies, u mhux minn but ħaddieħor.”
Il-PN qal li Abela ma kienx kapaċi jipprovdi xi fatti li juru li ħallas lill-ħaddiema tal-Gvern minn butu. “F'pajjiżi oħrajn, każi bħal tal-Ministru Abela jġibu riżenja jew tkeċċija.” 
Il-Ħadd, il-Ministru Abela qal li “ix-xogħol li sar fl-2015 kien jikkonsisti fi struttura żgħira tal-injam temporanja fuq il-bejt li sservi bħala tinda.” Qal li sar il-ħlas mitlub.