Abela llum jinħatar Prim Ministru ta’ Malta

Read in English.

Robert Abela llum se jkun qed jinħatar bħala t-18-il Prim Ministru minn meta Malta bdiet tiggverna lilha nnifisha.

Iċ-ċerimonja tal-ħatra se tkun qed issir fit-3pm fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta u se tkun ippreseduta mill-President George Vella. Il-Prim Ministru l-ġdid ta’ Malta mbagħad mistenni jimxi fi lejn il-Berġa ta’ Kastilja fejn se jsellem lil dawk li jkun hemm fit-toroq.

Intant, qabel il-ħatra, il-Prim Ministru uxxenti Joseph Muscat se jmur għand il-President ta’ Malta biex jagħti r-riżenja tiegħu wara li filgħodu jkun għadda ċ-ċwievet ta’ Kastilja lil Robert Abela.

Muscat irreżenja kawża tal-kriżi politika li ħakmet lill-gżejjer Maltin wara l-aħħar żviluppi fl-investigazzjonijiet dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan hekk kif allegazzjonijiet ġodda sabu li persuni viċin tiegħu, partikolarment l-eks-Chief of Staff Keith Schembri u s-sid tal-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech, setgħu kellhom sehem kbir fl-assassinju tal-ġurnalista.

Muscat kien qal li hu jħossu tradut b’mod speċjali minn Keith Schembri. L-aħħar żviluppi waslu wkoll għar-riżenja ta’ Konrad Mizzi minn Ministru għat-Turiżmu. Hu iżda baqa’ jokkupa l-kariga ta’ Membru Parlamentari. Intant, id-Deputat Prim Ministru u Ministru Chris Cardona kien issospenda lilu nniffsu għal xi jiem.

Muscat ħabbar ir-riżenja tiegħu qalb ħafna kritika u persuni ta’ awtorità Ewropea u dinjija li talbuh jirreżenja minn postu. Minkejja li hu kien ħabbar ir-riżenja tiegħu f’Diċembru, kien qal li se jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ Prim Ministru sakemm il-Partit Laburista jeleġġi mexxej ġdid fit-12 ta’ Jannar. Hu saħansitra ngħata l-premju tal-aktar persuna korrotta tal-2019.

L-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Laburista kienet ikkontestata minn żewġ persuni, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, u Abela. Ir-riżultat finali kien tħabbar fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu. Imbagħad, il-Ħadd waranofsinhar il-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista Robert Abela għamel l-ewwel diskors tiegħu.

Wara t-telfa tiegħu, Fearne qal li se jibqa’ jissapportja u jaħdem id f’id mal-Partit Laburista.