“Abela kariżmatiku; Fearne jirbaħ il-kampanja fuq il-midja soċjali” – Delegat tal-PL

Read in English.

Robert Abela huwa kariżmatiku u għandu ħiliet tal-oratorija straordinarji, filwaqt li d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għandu strateġija aħjar fuq il-midja soċjali, u b’hekk hu ċar li hu r-rebbieħ mit-tnejn f’dan ir-rigward. Dan kien kliem delegat tal-Partit Laburista li tkellem ma’ Newsbook.com.mt bil-kundizzjoni li jinżamm anonimu. Qal li jissuspetta li Fearne seta’ kellu l-għajnuna ta’ entità barranija fl-istrutturar tal-kampanja.

Abela iżjed kariżmatiku

Newsbook.com.mt: Min taħseb li kien l-iżjed kariżmatiku bejn iż-żewġ kandidati?

Delegat tal-PL: It-tellieqa għat-tmexxija tal-PL esponiet differenzi espliċiti bejn iż-żewġ kandidati. Abela ħareġ bħala l-persuna kariżmatika li jirnexxilha tirbaħ in-nies bil-ħiliet tal-oratorija u bil-lingwa vernakulari li juża. Dan żied il-pressjoni fuq l-opponent tiegħu li kellu jirrikorri għal kampanji awdaċi fuq il-midja soċjali.

Fearne jirbaħ il-kampanja fuq il-midja soċjali

Newsbook.com.mt: Min taħseb li kien ir-rebbieħ tal-kampanja fuq il-midja soċjali?

Delegat tal-PL: L-istrateġiji addottati miż-żewġ kandidati fuq il-midja soċjali żvelaw il-kapaċitajiet strateġiċi rispettivi tagħhom, u Fearne huwa r-rebbieħ bla dubju.

Newsbook.com.mt: Għaliex taħseb hekk?

Delegat tal-PL: Filwaqt li Abela kellu kampanja ġeneralista maqtugħa mill-votanti, il-kampanja ta’ Fearne kienet maħduma b’tali mod li tiffoka fuq il-votanti eliġibbli għal din l-elezzjoni partikolari. Abela jaf sab konsolazzjoni jara s-segwaċi tiegħu fuq il-midja soċjali jiżdiedu, iżda Fearne għelbu billi mexxa l-battalja tal-midja soċjali għal fuq l-art vera tal-gwerra. Stajna nosservaw kif Fearne beda jimmira l-kampanja tiegħu b’mod konsistenti, persistenti u sottili lejn il-votanti.

Interferenza barranija?

Newsbook.com.mt: Imma taħseb li kampanja qasira bħal din setgħet għamlet differenza?

Delegat tal-PL: Sejjer żbaljat. Din il-kampanja mid-dehra kienet ilha għaddejja għal ġimgħat u xhur qabel ma bdiet l-elezzjoni uffiċjali. Il-kampanja ta’ Fearne fuq il-midja soċjali ma sabet l-ebda tfixkil.  

Newsbook.com.mt: Min taħseb li kien wara l-kampanja ta’ Fearne?

Delegat tal-PL: Wieħed jissuspetta jekk hawnx organizzazzjoni f’Malta li kien jirnexxilha toħroġ b’kampanja b’mira daqshekk partikolari. Minkejja li ma tridx titqies trasgressioni, wieħed jista’ jistaqsi jekk dan huwiex eżempju ieħor ta’ użu ta’ entità barranija fil-politika Maltija jew agħar, ta’ stat barrani. Dan jitlob kjarifika kif qalu xi votanti mħassbin.

Il-votazzjoni għall-mexxej tal-Partit Laburista se ssir nhar is-Sibt li ġej.