Abela jwiegħed Baġit li jissalvagwardja s-setturi kollha

Prime Minister Robert Abela meets representatives from the Malta Entertainment Industry and Arts Association as part of the pre-budget consultations Minister José Herrera, Prime Minister Robert Abela, Julia Farrugia Portelli Clayton Bartolo Howard Keith Debono Toni Attard
Prime Minister Robert Abela meets representatives from the Malta Entertainment Industry and Arts Association as part of the pre-budget consultations

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela wiegħed li fil-Baġit tas-sena d-dieħla  l-gvern se jħares li jissalvagwardja l-impjiegi fl-oqsma ekonomiċi kollha f’laqgħa li kellu mal-MEIA, assoċjazzjoni li tirrapreżenta l-industrija tad-divertiment u tal-arti.

Il-president tal-MEIA Howard Keith Debono ppreżenta għaxar proposti għall-Baġit 2021, li fi kliemu jittrattaw b’mod ħolistiku l-isfida li ġabet il-pandemija fuq is-settur, kemm għall-eluf ta’ professjonisti li jaħdmu fih kif ukoll lill-konsumaturi. Debono nnota li fl-aħħar għaxar snin, is-settur kiber b’mod mgħaġġel ħafna u bl-istess mod kibret il-kontribuzzjoni tieġhu għall-ekonomija Maltija.

Però kien ukoll wieħed mill-aktar setturi milquta mill-pandemija tal-Covid-19, u fil-proposti tagħha, il-MEIA tara l-bżonn ta’ sostenn sakemm is-settur ikun jista’ jerġa jitla’ fuq saqajh.

Fil-laqgħa, Abela rrikonoxxa l-periklu li jintilfu talenti f’oqsma partikolari għax jiġu assorbiti f’industriji oħrajn wara li jitilfu l-għixien tagħhom. Qal li l-gvern mhux biss irid iħares l-impjiegi iżda wkoll jieħu miżuri biex iħares setturi ekonomiċi bħal dawk tar-rikreazzjoni u tal-arti.