“Abela jrid jinqata’ mis-sistema ta’ korruzzjoni” – Giegold

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Sven Giegold qal li l-Prim Ministru l-ġdid Robert Abela, li se jieħu l-ġurament tal-ħatra aktar tard illum, irid jiddistakka ruħu mis-sistema antika ta’ korruzzjoni u klijentaliżmu. Stqarr li Abela għandu l-isfida li jibda era ta’ tiġdid politiku f’Malta.

Giegold, li hu wkoll kelliem dwar il-policies finanzjarji u ekonomiċi għall-Partit tal-Ħodor fl-Unjoni Ewropea, qal li Abela ħaqqu min jagħtih ċans, imma fl-istess waqt, ix-xettiċiżmu hu importanti, peress li Abela kien parti mis-sistema l-antika bl-irwol tiegħu bħala konsulent legali għall-Prim Ministru Joseph Muscat.

Fl-ewwel diskors tiegħu bħala Mexxej elett tal-Partit Laburista, Robert Abela qal li filwaqt li mhux se jagħlaq għajnejh għall-iżbalji li saru, beħsiebu jżomm il-proġett ta’ Joseph ħaj u b’saħħtu.

Giegold insista li Malta trid tkun konformi mar-regoli Ewropej fir-rigward tal-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja, fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u s-superviżjoni bankarja. Skontu, il-korruzzjoni u l-klijentaliżmu fl-akkwisti pubbliċi u fil-proċeduri tal-ippjanar fl-industrija tal-korruzzjoni jridu jiġu mħarrka.

Barra minn hekk, insista Giegold, il-Gvern il-ġdid irid jaffaċċja u jsolvi l-problemi kollha li wasslu għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. B’hekk, Malta trid timplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni Venezja.

Giegold temm jgħid li l-Kummissjoni Ewropea għandha tibda d-djalogu mat-tmexxija l-ġdida Maltija fuq is-saltna tad-dritt f’Malta, peress li l-impunità ma tistax tiġi ttollerata iżjed.

L-MEP Ġermaniż kemm-il darba kkritika l-awtoritajiet Maltin. F’Diċembru li għadda, huwa qal li talab lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen sabiex b’mod immedjat tiskatta Artiklu 7 kontra Malta, li jfisser li stat membru jitneħħewlu xi drittijiet.

F’Diċembru qal ukoll, “Rajna progress f’Malta fl-investigazzjoni fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, imma ma kienx hemm titjib fejn tidħol il-korruzzjoni u kriminalità finanzjarja. Għad hawn kultura ta’ impunità u ħasil tal-flus.”

Il-General Workers’ Union u l-Kamra tal-Kummerċ bagħtu l-awgurju tagħhom lill-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista. Iż-żewġ korpi qalu li se jitolbu laqgħa immedjata mal-Prim Ministru l-ġdid.