​Abela jippreżenta l-irċevuti fil-Parlament

Il-Ministru Carmelo Abela  ppreżenta fil-Parlament l-irċevuti tal-materjal għax-xogħlijiet li saru fir-residenza privata tiegħu, li skont The Sunday Times of Malta saru minn ħaddiema tal-Gvern waqt il-ħin tax-xogħol.
Il-Ministru Abela ma ċaħadx li x-xogħol sar minn ħaddiema tal-Gvern, iżda qal li dan sar wara l-ħin tax-xogħol u li għal dan ix-xogħol il-persuna tħallset.
Abela qal li kienet ħabiba antika ta’ martu li ssuġeriet li jitqabbad il-persuna li wettqet ix-xogħol u dan wara li r-raġel tal-istess ħabiba tas-Sinjura Abela huwa s-supervisor ta’ dan il-mastrudaxxa li t-tnejn jaħdmu fil-Ministeru għall-Intern.
Il-Ministru qal li hu qabel mas-suġġeriment li ngħata lil martu wara li nġabru xi kwotazzjonijiet oħra. Huwa qal li x-xogħol sar is-Sibt u li l-materjal twassal id-dar tiegħu wara l-ħin tax-xogħol.
L-irċevuti għall-materjal jammontaw €372. Minkejja li l-ħaddiem ma riedx flus, il-Ministru insista li jitħallas għal xogħlu li kien jinkludi l-flus tal-materjal u għal xogħlu.