Uffiċjali: Ministeri ġodda, ministri ġodda fir-reshuffle tal-kabinett

Read in English.

Il-Gvern ikkonferma fi stqarrija li l-Prim Ministru Robert Abela llum wettaq bidliet fil-kabinett tiegħu. Dan wara li fid-19 ta’ Ottubru li għadda saru żewġ co-options fil-Parlament, u wara li fil-jiem li għaddew tħabbar li Prof. Edward Scicluna, bħalissa Ministru għall-Finanzi ġie rrakkomandat biex jinħatar Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.

L-istqarrija uffiċjali maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni kkonfermat il-lista ta’ tibdiliet li ngħatat lil Newsbook.com.mt minn sorsi infurmati.

Il-Kabinett hu magħmul minn:

  • Robert Abela: Prim Ministru
  • Chris Fearne: Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa
  • Evarist Bartolo: Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej
  • Michael Farrugia: Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva (kien Ministru għall-Enerġija u l-Ilma)
  • Owen Bonnici: Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija wara Covid-19 (kien Ministru għall-Edukazzjoni)
  • José Herrera: Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali
  • Carmelo Abela: Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru
  • Ian Borg: Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali
  • Michael Falzon: Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal
  • Edward Zammit Lewis: Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza
  • Anton Refalo: Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali
  • Roderick Galdes: Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali
  • Justyne Caruana: Ministru għall-Edukazzjoni (tirritorna fil-kabinett)
  • Silvio Schembri: Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija
  • Julia Farrugia Portelli: Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja (kienet Ministru għat-Turiżmu)
  • Aaron Farrugia: Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar
  • Clint Camilleri: Ministru għal Għawdex
  • Byron Camilleri: Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi
  • Clayton Bartolo: Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumaturi
  • Miriam Dalli: Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli (Irriżenjat minn MEP u ġiet co-opted fil-Parlament riċentament)
  • Clyde Caruana: Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol (Kien il-Kap tas-Segretarjat ta’ Robert Abela u ġie co-opted fil-Parlament riċentament)
  • Stefan Zrinzo Azzopardi Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru
  • Rosianne Cutajar: Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet Ċivili u r-Riformi fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza
  • Clifton Grima: Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u Organizzazzjonijiet Volontarji fi ħdan il-Ministeru għall-Inkluzjoni u l-Kwalità tal-Ħajja
  • Chris Agius: Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar
  • Alex Muscat: Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi
  • Deo Debattista: Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur

Dan ifisser li minbarra l-Prim Ministru, l-ewwel kabinett ta’ Robert Abela kellu 17-il Ministeru u 8 Segretarju Parlamentari, filwaqt li t-tieni wieħed għandu 20 Ministru u 6 Segretarji Parlamentari. Kif irrapporta Newsbook.com.mt qabel it-tħabbira uffiċjali tal-kabinett, ir-reshuffle kienet tinkludi mhux biss ministeri ġodda imma anke ministri ġodda.

Tibdiliet oħra li tħabbru fl-istqarrija tal-Gvern huma li Glenn Micallef inħatar Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru minflok Clyde Caruana. Glenn Micallef hu gradwat fl-ekonomija u fil-politika Ewropea. Fl-aħħar snin, Micallef okkupa l-kariga ta’ Direttur Ġenerali tad-Dipartiment ta’ Koordinazzjoni tal-Unjoni Ewropea u minn Jannar li għadda kellu l-kariga ta’ konsulent tal-Prim Ministru għall-Affarijiet Ewropej, fejn kien ukoll parti mit-tim ta’ negozjati li wasslu biex Malta kisbet allokazzjoni rekord ta’ €2.25 biljun f’fondi Ewropej għas-seba’ snin li ġejjin.

Barra minn hekk, sorsi infurmati qalu li l-portafoll wiesa’ ta’ Ian Borg se jintmess, hekk kif l-Awtorità tal-Artijiet se tgħaddi f’idejn Silvio Schembri.

F’diskussjonijiet li kellu mal-Ministri u Segretarji Parlamentari, Dr Abela enfasizza l-bżonn li l-Gvern ikompli jwieżen lil dawk li l-aktar għandhom bżonn, isaħħaħ ix-xogħol u joħloq klima ta’ investiment, u jħejji lil Malta għal futur.

Rapporti fil-midja matul il-ġurnata tas-Sibt qalu li l-lista ta’ persuni ġodda tinkludi wkoll is-suċċessur ta’ Scicluna. Għalkemm għandha ssir elezzjoni każwali, wieħed għad irid jara jekk hux se jkun qiegħed jiġri bħalma ġara fil-każ tar-riżenja ta’ Joseph Muscat meta l-ebda kandidat ma tefa’ n-nomina tiegħu u għalhekk Abela jkun jista’ jerġa’ jagħżel kandidat tal-għażla tiegħu.

Il-Ministru Scicluna se jkun qiegħed jieħu post Mario Vella bħala Gverantur tal-Bank Ċentrali f’Jannar 2021. Mario Vella ġie appuntat bħala Kummissarju Speċjali għar-Relazzjonijiet Ekonomiċi, Finanzjarji u ta’ Negozju mar-Renju Unit. Il-Ministru Scicluna mistenni li jirreżenja mill-Kabinet fil-jiem li ġejjin filwaqt li sal-aħħar tas-sena jirreżenja minn deputat parlamentari.