Abela jgħid li mhux se jkun hemm logħob mal-għażla tal-Kummissarju l-ġdid

Il-Prim Ministru Robert Abela assigura li l-kummissarju tal-Pulizija l-ġdid mhux se jkun paraventu tal-Gvern u min jintgħażel irid jaspira fiduċja u jwassal dixxiplina.

Meta kien qiegħed jitkellem fid-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Pulizija, Abela wiegħed lill-poplu Malti u lill-Oppożizzjoni li mhux se jkun hemm logħob mal-proċess tal-għażla biex jintgħażel xi ħadd flok ħaddieħor.

Filwaqt li spjega l-proċess tal-għażla, il-Prim Ministru wiegħed li l-persuna li se tintgħażel mhu se jkollha l-ebda ndħil fl-operat tagħha u li se tingħata r-riżorsi kollha meħtieġa. Huwa qal li l-persuna magħżula trid taspira fiduċja u toffri dixxiplina u taqdi d-dmir tagħha b’mod skrupluż.

Il-Prim Ministru stqarr li l-Kummissarju l-ġdid se jkollu l-pressjoni u l-esiġenza li jagħmel xogħlu f’dan il-mument delikat li jinsab fih il-pajjiż. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru qed jistenna iktar prosekuzzjonijiet u riforma fil-korp tal-pulizija.

Abela spjega li l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku se tkun qed jeżamina l-applikazzjonijiet kollha u tiddeċiedi fuq tnejn li tressqu quddiem il-kabinett għall-għażla finali. Imbagħad il-persuna magħżula tiġi skrutinizzata mill-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, waqt li wara jsir il-vot fil-plenarja.