Abela jgħaddi lil Delia b’49 punt

Read in English.

Il-Prim Ministru l-ġdid Robert Abela kiseb fiduċja ta’ 62.5% fl-ewwel stħarriġ tal-gazzetta MaltaToday. Dan jikkontrasta ma’ 13.5% li kiseb il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. B’hekk Dr Abela għadda lil Dr Delia b’49 punt, b’tal-aħħar imiss qiegħ ġdid fl-appoġġ mill-poplu f’temp ta’ sentejn.

Skont il-gazzetta, il-kisbiet ta’ Dr Abela jaqbżu dawk tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Dan huwa wkoll l-ikbar distakk irreġistrat bejn il-mexxejja tal-partiti politiċi ewlenin f’Malta, mis-surveys tal-MaltaToday.

L-agħar fost dawk minn 65 sena ‘l fuq

L-istess stħarriġ juri li Abela kiseb 22.5% ta’ dawk li vvutaw għall-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali tal-2017. Id-distakk bejn il-mexxejja jispikka l-iktar fost il-votanti żgħar, b’Abela jikseb fiduċja minn 64.6% ta’ dawk bejn it-18 u l-35 sena. Il-Prim Ministru mar l-agħar fost dawk li għandhom 65 sena jew iktar.

Waqt attività politika tal-Partit Nazzjonalista dalgħodu, Adrian Delia qal li l-eħfef ħaġa għalih hi li jaqta’ qalbu u jitlaq. Insista li din mhux ħaġa għaqlija bħalissa. Il-Kap Nazzjonalista saħaq li għandu d-dover li jibqa’ jissielet għall-pajjiżu. Sfida lill-Prim Ministru biex juża l-popolarità u l-poter li għandu biex ineħħi l-kuntratt li ngħata għat-tmexxija ta’ tliet sptarijiet tal-istat.