Abela ilu xhur jaf dwar Lawrence Cutajar – Azzopardi

Read in English.

Il-MP tal-PN Jason Azzopardi qal li l-Prim Ministru Robert Abela ilu xhur jaf bid-dettalji li ħarġu lbieraħ fil-Qorti dwar l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Qal li Abela sar jaf bid-dettalji qabel ma Cutajar ġie appuntat bħala konsulent għall-Ministeru għall-Intern.

Azzopardi qal dan waqt programm online mtella’ mill-għaqda Repubblika. Il-programm ġie ppreżentat mill-preżentatur Norman Vella.

Azzopardi, li huwa wkoll wieħed mill-avukat parte civile għall-familja Caruana Galizia qal li “l-agħar għadu ġej”. Azzopardi ta x’jifhem li se jkunu qed joħorġu aktar aħbarijiet mis-seduti tal-Qorti.

It-Tnejn, Cutajar tkeċċa mix-xogħol tiegħu bħala konsulent għall-Gvern wara li l-Qorti ordnat lill-Pulizija tinvestigah. Din l-ordni saret fuq talba tal-avukat Azzopardi fid-dawl ta’ dak li ġie żvelat fil-Qorti.

Mal-MaltaToday Robert Abela qal li d-deċiżjoni dwar il-konsulenza ta’ Lawrence Cutajar ittieħdet fil-kuntest tad-dettalji li kienu jafu sa dakinhar.

Il-programm ta’ Repubblika sar wara smigħ ta’ disa’ sigħat fil-Qorti fil-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech. Fenech qed jiġi akkużat li kien kompliċi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u qed iwieġeb li mhux ħati.

Waqt is-seduta tat-Tnejn telgħu jixhdu Johann Cremono (li huwa sieħeb fin-negozju ma’ Fenech) u Edgar Brincat (magħruf bħala l-Ġojja). It-tnejn tkellmu dwar Lawrence Cutajar u l-aġir tiegħu s-sena l-oħra qabel l-arresti ta’ Melvin Theuma u Yorgen Fenech.

Johann Cremona allega li Cutajar informa lil Melvin Theuma li l-Europol kienet taf dwar recordings sigrieti li kellu ma’ Fenech. Theuma huwa x-xhud tal-istat li ngħata maħfra presidenzjali għall-kooperazzjoni tiegħu.

Cremona xehed li Theuma qallu li Cutajar talab għar-recordings qabel l-arrest ta’ Theuma.

Azzopardi qal li dak li ħareġ fis-seduta tal-qorti kien ilu jafu minn Diċembru. Qal li l-Pulizija kellhom security briefing ma’ Abela malli ġie appuntat bħala PM. Il-MP kompla jgħid li minkejja li kien jaf dwar l-allegazzjonijiet tal-leaks ta’ Cutajar, Abela xorta għażel li jingaġġa lil Cutajar bħala konsulent.

Possibilità ta’ assassinju b’diversi saffi

Waqt il-programm Azzopardi tkellem dwar il-possibilità li hemm diversi saffi fl-assassinju li jinvolvi aktar minn sensar wieħed u aktar imħuħ. Qal li huwa possibbli li kien hemm għadd ta’ individwi li kellhom l-istess għan u li riedu jiksbu l-istess riżultat.

L-avukat qal li l-ġimgħat li ġejjin kienu kruċjali biex toħroġ il-verità u li ssir ġustizzja.

Kieku Ian Abdilla investiga forsi Caruana Galizia kienet tkun għadha ħajja

Azzopardi qal li waħda mill-akbar problemi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija kien l-amministrazzjoni tiegħu li ddeskriva bħala dgħajfa u inkompetenti. Saħaq li minkejja dan xorta kien hemm Spetturi li baqgħu jinvestigaw akkost ta’ kollox.

Tkellem ukoll dwar l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla li huwa l-Kap tal-Economic Crimes Unit. Azzopardi qal li jemmen li kieku Abdilla investiga l-korruzzjoni u l-allegazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus, Caruana Galizia kienet tkun għadha ħajja llum.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Uffiċċju tal-PM imma ma rċieva l-ebda risposta għalihom sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu.

Aktar xhieda xokkanti fil-Qorti – 15 ta' Ġunju 2020

Siegħa wara li ntemmet maratona ta' xhieda fil-Qorti, Repubblika twassal programm speċjali LIVE flimkien mal-Avukat Jason Azzopardi, Mark Anthony Sammut u Manuel Delia. Jippreżenta Norman Vella.

Posted by Repubblika on Monday, June 15, 2020