Abela ‘għandu obbligu’ jippubblika l-kuntratt mas-SOCAR

L-għaqda Repubblika tinsisti li l-Prim Ministru Robert Abela “għandu l-obbligu quddiem il-poplu Malti” li jippublika b’mod sħiħ il-ftehim “skandaluż” li ffirma Konrad Mizzi mal-kumpanija statali tal-Ażerbajġan SOCAR dwar ix-xiri tal-gass għall-power station.

Dan il-ftehim kien iffirmat fil-preżenza tal-prim ministeru Joseph Muscat waqt żjara fl-Ażerbajġan, fejn Keith Schembri u Kurt Farrugia biss kienu preżenti, mingħajr il-preżenza ta’ membri taċ-ċivil. L-ebda ġurnalist ma kien mistieden.

Repubblika ħarġet l-appell tagħha wara li The Shift News irrapurtat kif il-gvern kien ħeba dan il-ftehim mill-Kummissjoni Ewropea. I

Ir-rivelazzjonijiet kienu mibnija fuq emails li kienu mgħoddija lil Daphne Caruana Galizia, li skont Repubblika “jikxfu xibka ta’ ħabi u ħmieġ li Robert Abela huwa obbligat li jindirizza.”

L-għaqda qalet li l-iskandlu jikkonferma “l-ħtieġa ta’ inkjesta indipendenti dwar il-kuntratt maħmuġ tal-għoti tal-power station u l-obbligu li għandhom is-sidien tal-Electrogas li jindirizzaw dan il-ħmieġ.”

“Il-ħmieġ u l-korruzzjoni qatlu lil Daphne,” qalet Repubblika, li fakkret lil Robert Abela u lis-sidien tal-Electrogas “li min ma jagħmel xejn quddiem il-korruzzjoni, huwa korrott hu wkoll.”