Abela diġà ntalab ibiddel id-direzzjoni

Il-Mexxej il-Ġdid tal-PL Robert Abela intalab ibiddel id-direzzjoni li kien sejjer fiha Joseph Muscat u biex jaħdem fuq il-kredenzjali demokratiċi ta’ Malta. Din it-talba saret mill-għaqda Reporters Without Borders (RSF), waħda mill-organizzazzjonijiet ewlenin fid-dinja favur il-ħelsien tal-informazzjoni.

L-RSF qalet li ż-żmien tat-tmexxija ta’ Joseph Muscat ġiet immarkata minn gwerra fuq il-ħelsien tal-midja f’Malta li wasslet għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-RSF qed tistenna li Abela jbiddel id-direzzjoni u jtemm l-impunità li hemm f’Malta.

Illum Abela ta l-ewwel diskors tiegħu wara li rebaħ l-elezzjoni kontra Chris Fearne. Fearne ma deherx fis-sala għal din l-attività.

Ftit sigħat wara li Abela qal li se jżomm il-proġett ta’ Joseph Muscat f’saħħtu, l-RSF talbitu jbiddel id-direzzjoni.