Abela b’kampanja fuq kontinwità, issa qed ibiddel kollox – Delia

Read in English.

Il-PM Robert Abela kellu kampanja bl-għajta tal-kontinwità imma wara li rebaħ qisu jrid ibiddel kollox, skont il-Kap tal-PN Adrian Delia.

Delia qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista Net FM.

Delia staqsa jekk Abela hux it-tip ta’ bniedem li jitkellem kif jaqbillu skont l-udjenza. Qal li mal-Laburisti li jappoġġjaw lil Joseph Muscat Abela tkellem dwar il-kontinwità biex jirbaħhom u li issa jrid jintgħoġob minn kulħadd u biddel id-diska.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li r-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija messha ilha li saret sentejn ilu. Skont Delia, kieku Lawrence Cutajar irreżenja qabel kienu jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li nqalgħu tul dawn is-sentejn. Qal li hu baqa’ jostakola l-ġustizzja u l-verità biex jipproteġi l-kriminalità. Delia saħaq li l-Kummissarju li jmiss għandu jinħatar b’vot minn żewġ terzi tal-Parlament.

Delia qal li ma jawgurax tajjeb għall-istabilità tal-Pulizija jekk il-kummissarju jinbidel ta’ spiss u fakkar kif Malta kellha kważi wieħed kull sena dan l-aħħar.

Dwar il-bord tal-governanza tajba Delia qal li kien ikun aħjar li kieku ma jkunx magħmul minn irġiel biss u li jkun hemm oqsma oħra tas-soċjetà inklużi fih u forsi anke membri nominati mill-Oppożizzjoni.

Qal ukoll li hemm bżonn mekkaniżmu tajjeb li ma jħallix lil grupp ta’ nies jgħassu fuqhom infushom.

Skont Delia, is-soċjetà ċivili kellha reazzjoni pożittiva ħafna għall-proposti tal-PN dwar il-governanza tajba. Żied jgħid li Abela qal li ma jridx jieħu pariri mingħandu imma mbagħad neħħa l-Kummissarju tal-Pulizija. Fi kliem Delia, il-proposti tal-PN huma bżonjużi għal Malta.

Delia appella biex il-Gvern, l-Oppożizzjoni, u s-soċjetà ċivili jingħaqdu biex jiddiskutu u jsaħħu l-istrutturi demokratiċi. Qal li wieħed irid jara xi jrid isir minnufih u xi jrid isir fuq medda ta’ xhur.

Mistoqsi dwar il-ftuħ tal-parlament, Delia qal li l-aktar affarijiet importanti fuq l-aġenda jinkludu l-ħarsien u t-tiġdid tar-rispett lejn il-liġijiet (is-saltna tad-dritt) u s-separazzjoni tal-poteri.

Tkellem ukoll dwar il-liġi li għaddiet mill-Parlament is-sena l-oħra li biha Malta ddikjarat emerġenza tal-klima. Delia qal li jrid isiru l-affarijiet minnufih għax inkella ma tkun emerġenza xejn. Saħaq li l-Gvern irid jagħmel il-parti tiegħu.