Abela bi lment dwar allegat tbagħbis; “Proċess ġust” – Kummissjoni Elettorali PL

Aġġornat 08:05 AM

Read in English.

Il-Partit Laburista rċieva lment formali mingħand Robert Abela li qed jikkontesta għall-kariga ta’ mexxej tal-Partit dwar allegat tbagħbis fil-votazzjoni biex ikun elett il-mexxej il-ġdid tal-istess partit. Is-CEO tal-PL Randolph De Battista ċaħad dawn l-allegazzjonijiet f’kitbiet li għamel fuq Facebook. Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista qalet li l-proċess huwa wieħed ġust u diliġenti.

Is-Sibt li ġej, it-tesserati tal-Partit Laburista jistgħu jivvutaw biex jagħżlu bejn id-Deputat Mexxej tal-Partit Chris Fearne u d-Deputat Robert Abela, bħala l-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista. Il-votazzjoni mistennija sseħħ f’diversi każini tal-Partit u xi postijiet oħra. Ir-riżultat mistenni jkun magħruf kmieni l-Ħadd filgħodu.

Skont Times of Malta, xi sorsi mill-Partit Laburista qalu li lejlet l-ewwel tas-sena tqanqal tħassib li wieħed miż-żewġ kandidati fit-tellieqa għat-tmexxija kien qed ibagħbas fir-reġistru uffiċjali ta’ dawk eleġibbli biex jivvutaw. Times of Malta qalet li għaldaqstant is-sorsi qrib il-partit qalu li l-kwistjoni kienet qed tikber iżżejjed u bdew ħerġin id-dubji dwar dak li beda jingħad.

Skont l-ilment imressaq minn Abela, nhar il-Ħadd filgħodu il-bieb għal wieħed mill-uffiċċji fil-kwartieri ġenerali tal-partit, fejn tinżamm il-lista tat-tesserati, issakkar għall-ħabta tas-12.50pm fil-31 ta’ Diċembru iżda d-dwal kienu għadhom jidhru mixgħula.

The Times of Malta rrappurtaw li fl-uffiċċju kien hemm tlieta mill-kanvasers ta’ Fearne, li kollha huma impjegati fil-ministeru tiegħu. Skont Abela dawn kienu qed idaħħlu d-dettalji ta’ madwar 200 partitarju li ma kinux għadhom ġeddew it-tessera. Fl-ilment li ressaq, Abela stqarr li dawn il-membri żiduhom biex ikunu jistgħu jivvutaw nhar is-Sibt.

Iżda jidher li s-sorsi li tkellmu mal-istess gazzetta qalu li ż-żewġ kandidati kienu diġà qablu mal-kummissjoni elettorali tal-partit li għandhom jippreżentaw lista ta’ tesserati li kienu għadhom ma ġeddewx it-tessera. Filwaqt li Fearne għamel lista ta’ 200 persuna, Abela kellu biss madwar 20 persuna.

L-aħħar darba li kien hemm elezzjoni għal mexxej ġdid, missier Abela, il-President Emeritu George Abela kien għamel ilment simili dwar indħil fil-voti. L-eks Viċi Kap kien tilef it-tellieqa u dakinhar kien ġie elett Joseph Muscat.

“Fiduċja assoluta fil-ħaddiema tal-Partit” – Is-CEO

Is-CEO tal-PL Randolph De Battista rrikorra għal Facebook u kiteb li għandu fiduċja assoluta fil-ħaddiema u l-voluntiera tal-Partit Laburista li baqgħu jirsistu minkejja li hu żmien il-festi. Qal li mhux se jħalli lil min jitfa’ dell ikrah fuqhom.

F’post oħra, De Battista qal li l-Partit introduċa sistema ġdida u aġġornata tas-sħubija li m’hemmx qerq fiha, u b’hekk jiċħad kwalunkwe allegazzjonijiet ta’ tbagħbis.

“Proċess ġust u diliġenti” – Kummissjoni Elettorali PL

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista ħarġet stqarrija li fiha qalet li l-proċess huwa wieħed ġust u diliġenti. Sostniet li l-ipproċessar tal-informazzjoni qed isir skont l-istatut tal-partit u r-regoli maqbula bejn dawk konċernati.

Il-Kummissjoni Elettorali qalet li kkomunikat dejjem il-pożizzjonijiet u t-tweġibiet uffiċjali tagħha lill-persuni li jitolbu xi kjarifika jew jippreżentaw ilment uffiċjali tul il-proċess elettorali. Kompliet tgħid li r-rapport tat-Times fih “numru ta’ asserzjonijiet żbaljati […] Dak allegat mhux talli ma seħħx, talli s-sistema hija ddisinjata b’mod li ma tippermettix li xi ħaġa bħal din isseħħ.”