Abbużi sesswali: Jinbidel il-pjan għall-Arċisqof minħabba ittra

Inbidlu ftit il-pjanijiet għall-Arċisqof Charles Scicluna biex jinvestiga allegazzjonijiet ta’ abbużi sesswali fiċ-Ċilì, hekk kif qabel ma jmur f’Santiago, se jmur New York fl-Istati Uniti biex jisma’ xhieda importanti hemmhekk.
Skont l-Associated Press, din il-bidla aktarx seħħet wara intervista li saret ma’ vittma ta’ abbuż sesswali, li qal li kien bagħat ittra lill-Papa Franġisku dwar dawn l-abbużi fiċ-Ċilì lura għall-2015.
Meta Franġisku kien iċ-Ċilì x-xahar li għadda, u kien ikkonfrontat bil-mistoqsijiet dwar dawn l-abbużi, enfasizza li qatt ma kien infurmat dwar xejn mill-vittmi.
Il-vittma li Mons. Scicluna se jmur jisma’ t-testimonjanza tagħha huwa Juan Carlos Cruz, li bħalissa qed jgħix f’Philadelphia, li qed jallega li l-Papa rċieva l-ittra tiegħu u ma ħax azzjoni.
Aktar serju minn hekk, Cruz qed jgħid li l-Isqof ta' Osorno, Juan de la Cruz Barros Madrid, kien preżenti waqt wieħed mill-abbużi tar-Reverendu Fernando Karadima.
Karadima kien issanzjonat mill-Vatikan fl-2011 minħabba abbużi sesswali fuq minorenni. Aktar tard, Franġisku ħatar lil Barros Madrid bħala Isqof ta’ Osorno.
Oriġinarjament Mons. Scicluna kellu jitkellem ma’ Cruz bl-iSkype, iżda f’isem il-Papa ċempel lil Cruz u talbu jistgħux jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ fis-17 ta’ Frar.
Lill-midja, Cruz qalilha li apprezza ferm il-ġest tal-Arċisqof Scicluna, u għalih hu sinjal li l-Vatikan qed jieħu bis-serjetà dawn il-każijiet.
L-Associated Press qalet li Mons. Scicluna ma kkummentax magħhom.
Minkejja dan jiddeskrivuh bħala l-iprem investigatur tal-Vatikan dwar l-abbużi sesswali mwettqa minn kleriki.
Iżda mhux l-Associated Press biss kellhom kliem ta’ tifħir għall-Arċisqof ta’ Malta.
Siti ewlenin oħra tal-aħbarijiet tal-Knisja ddeskrivewh bħala bniedem kredibbli u oġġettiv f’xogħlu, li mhuwiex pupazz tal-Vatikan, u li  jeħodha qatta’ bla ħabel kontra membri tal-kleru li jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom.