Abbużi: “Iżjed trasparenza fl-ogħla livelli” – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li wara jum sħiħ ta’ diskussjonijiet fuq il-kwistjoni tat-trasparenza, din issa qed tiġi implimentata. Dan qalu f’intervista ma’ Vatican Radio, fl-irwol tiegħu bħala s-Segretarju Aġġunt għall-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.

Il-Papa Franġisku ħabbar li se titneħħa r-regola ta’ “sigriet pontifikali” fir-rigward tal-abbuż sesswali minn minorenni, regola li kienet tgħatti atti bħal dawn. Dawk li jsemmgħu leħinhom fuq abbużi bħal dawn laqgħu din il-bidla fil-Knisja b’entużjażmu; qalu li kienet waħda li kienet ilha meħtieġa, iżda sodisfatti li fl-aħħar saret.

Żewġ dokumenti maħruġin mill-Papa juru li jaqblu ma’ xi prattiċi li kienu qegħdin isiru f’xi pajjiżi, partikolarment fl-Istati Uniti, bħar-rappurtar ta’ suspetti fl-abbuż sesswali lill-awtoritajiet ċivili meta meħtieġ mil-liġi. Dawn id-dokumenti jipprojbixxu obbligu ta’ silenzju fuq dawk li jirrappurtaw abbuż sesswali jew jallegaw li kienu vittmi.

L-Arċisqof Malti rrakkonta kif l-isqfijiet issejħu l-Vatikan mill-Papa fi Frar li għadda għal jum sħiħ ta’ diskussjonijiet fuq is-suġġett. F’Mejju tnediet liġi li kellha impatt importanti u li wriet żvilupp fuq l-istess linja, u qal li l-liġi l-ġdida mħabbra llum turi li t-trasparenza issa qiegħda wkoll fl-ogħla livell.

Spjega li b’mod konkret, din id-deċiżjoni twassal għal iżjed komunikazzjoni mal-vittmi, permezz ta’ kollaborazzjoni anke mal-istat. Permezz ta’ din il-liġi, qal l-Arċisqof, is-sigriet pontifikali m’għadux jista’ jintuża bħala skuża.