Abbuża minn 100 tfajla meta kien it-tabib tagħhom

Kważi 100 mara bħalissa qed jixhdu f’każ ta’ abbuż sesswali f’qorti Amerikana kontra raġel ta’ 54 sena li allegatament abbużahom sesswalment meta kien jaħdem bħala tabib mat-Tim Amerikan tal-Ġinnastika.
Dan it-tim jieħu ħsieb iħarreġ atleti biex jieħdu sehem fl-Olimpjadi.
Għadd ta’ persuni, illum nisa, qed jixhdu u jsemmu l-istejjer trawmatiċi tagħhom.
Uħud minn dawn in-nisa qalu li t-tabib, Larry Nassar, dam jabbuża minnhom 12-il sena sħaħ, anki sa mill-età ta’ 6 snin ’il quddiem.
Kyle Stephens kienet l-ewwel minn dawn in-nisa li xehdet, u rrakkuntat kif Nassar kien ikkonvinċa anki lill-ġenituri tagħha li mhux veru kien qed jabbużaha, meta familtha kienet iżżur lil familtu minħabba li kienu jafu lil xulxin.
Irrimarkat li tant kienet waqgħet f’dipressjoni li kważi bdiet tiddubita kienx qed iseħħ verament dan l-abbuż.
Sadanittant, ir-raġel wieġeb ħati li mmolesta lil dawn it-tfal kemm f’daru kif ukoll fi klabb tal-ġinnastika fl-Università tal-Istat ta’ Michigan.
Omm xehdet kif bintha għamlet suwiċidju minħabba abbuż sesswali ta’ Nassar meta marret biex tagħmel test mediku.
Żagħżugħa li għad għandha 17-il sena qalet li t-tabib abbużaha meta kellha bejn 9 u 14-il sena. Meta darba marret biex jaralha l-għarqub it-tabib kien qal lil missierha li seta’ jistenna barra, u abbużaha.
Filwaqt li l-imħallef iddeskriviet lir-raġel bħala vili, mistennija taqta’ l-kundanna nhar il-Ġimgħa.
Larry Nassar diġà rċieva sentenza ta’ 60 sena ħabs minħabba reati ta’ pornografija tat-tfal, u issa l-prosekuturi qed ibassru li se jagħtuh sa 40 sena oħra minħabba dawn l-abbużi fuq medda ta’ snin.