Abbuż sesswali minn barranin fl-aħħar tas-sena anke f’Helsinki

Mhux biss f’Cologne, fil-Ġermanja, li kien hemm rapporti ferm iktar mis-soltu ta’ abbuż sesswali minn barranin fil-lejl tal-Ewwel tas-Sena.
Issa ħareġ li anke f’Helsinki, il-kapitali Finlandiża, il-Pulizija kellha rapporti ferm iktar mis-soltu ta’ abbuż sesswali u rnexxielha tisfratta l-pjan ta’ immigranti li jisfruttaw sesswalment lin-nisa.
Rata ogħla mis-soltu wkoll ġiet irrappurtata fl-Iżvizzera imma mhux fil-livell taż-żewġ pajjiżi l-oħra.
Uffiċjal għoli tal-Pulizija Finlandiża qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet AFP, li qatt ma kellhom rata daqshekk għolja, fl-ebda festa jew okkażjoni, ta’ każi ta’ abbuż sesswali.
Sadattant, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel qalet li l-Ġermanja trid tagħti sinjal b’saħħtu lill-barranin li jinqabdu jiksru l-liġijiet fil-pajjiż u ma teskludix it-tkeċċija.
Ikkundannat bi kliem iebes dak li seħħ f’Cologne u sostniet li ċ-ċittadin Ġermaniż irid ikun jista’ jħossu sigur f’pajjiżu stess.
L-aħħar bilanċ għal Cologne hu ta' iktar minn 120 rapport uffiċjali lill-Pulizija dwar abbuż sesswali u 16-il suspettat. 18 mid-29 interrogati mill-Pulizija għandhom talba pendenti għall-ażil.
Anke l-Ministru Ġermaniż tal-Ġustizzja qal li d-deportazzjoni hi possibbli għal dawk li jinstabu ħatja.