Abbuż sesswali: 4 itfal identifikati bl-għajnuna ta’ Malta

Bl-għajnuna ta’ Malta fost pajjiżi oħra, il-Europol irnexxielha tidentifika 4 itfal li ġew abbużati sesswalment.

Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Ċiberkriminalità (EC3), li huwa tal-Europol, organizza s-7 edizzjoni tat-Taskforce għall-Identifikazzjoni ta’ Vittmi (VIDTF). Din ġabret 30 espert tal-infurzar tal-liġi minn 21 pajjiż, fosthom Malta.

L-esperti qattgħu mill-14 sal-25 t’Ottubru jaraw u janalizzaw filmati u ritratti ta’ vittmi tfal. B’dan il-mod, huma jiġbru punti kruċjali biex jaraw hemmx xi każijiet li huma simili u hekk jgħaqdu l-ħiliet tagħhom biex isibu l-vittmi. Kellhom ukoll l-għajnuna tal-Europol.

Esperti tal-Europol ppreparaw 1,000 serje ta’ ritratti relatati biex jiġu analizzati mill-esperti minn pajjiżi differenti. L-esperti rnexxielhom janalizzaw 925 serje ta’ ritratti. Għal 173 serje, ġie identifikat il-pajjiż fejn seħħ l-abbuż. Il-pajjiżi ġew infurmati, u l-Europol issa qed tgħin lil Stati Membri tal-Unjoni Ewropea biex tgħinhom isalvaw lit-tfal.

Il-pajjiżi involuti kienu l-Awstralja, il-Belġju, il-Kanada, il-Kroazja, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, in-Netherlands, in-Norveġja, ir-Rumanija, Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, l-Iżvizzera u l-Istati Uniti.