Read in English.
Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi iddeskriva bħala “abbuż oxxen ta’ proċedura” l-fatt kif il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi evita li jixhed f’każ ta’ libell li ressaq huwa stess.
Jason Azzopardi huwa involut f’każ ta’ allegat libell li ressaq il-Ministru Konrad Mizzi dwar konferenza tal-aħbarijiet li kien ta huwa stess, flimkien mad-deputata Nazzjonalista Marthese Portelli f’Mejju tas-sena l-oħra.
Il-Qorti semgħet kif il-Ministru Mizzi ma deherx quddiem il-Qorti u qed jirrifjuta li jixhed fil-każ ta’ libell, minħabba li qal li din il-materja hija suġġetta għall-inkjesta maġisterjali.
L-avukat Peter Fenech sostna li dan il-każ m’għandu x’jaqsam xejn mal-Panama Papers, iżda l-avukat ta’ Konrad Mizzi argumenta li hemm referenza għal kontijiet tal-Panama.
Il-każ ġie diferit għal Ottubru li ġej.