Abbuż Liċeo: “L-għalliem ilu sentejn jistenna” – MUT

L-Unjin għall-Għalliema f’Malta (MUT) sostniet li l-għalliem ilu sentejn jistenna sabiex jinstema l-każ dwar l-akkużi miġjuba kontrih.
Il-każ jikkonċerna allegazzjonijiet li kienu ħarġu fl-2016 li hu ħalla subien jabbużaw sesswalment minn tfajla fil-Liċeo tal-Ħamrun, fost każijiet ta’ abbuż sesswali ieħor.
L-allegat abbuż fuq it-tfajla partikolari u anke xi tfajliet oħra kien ġie żvelat minn Newsbook.com.mt wara li minn informazzjoni li kien kiseb fl-2016 il-Pulizija kienet bdiet tinvestiga allegati abbużi fil-Liceo minn għalliem partikolari u anke xi studenti.
F’kumment ma’ Newsbook.com.mt, l-MUT irrepetiet dak li kienet qalet fl-2016, li “l-għalliem jidher li diġà nstab ħati mill-midja qabel lanqas biss għadu ma beda il-każ il-Qorti.”
Appellaw sabiex ikun hemm aktar prudenza u inqas sensazzjonaliżmu.
L-għalliem kien ġie arrestat jumejn wara li ħarġet l-istorja, jiġifieri fit-18 ta' Novembru tal-2016.
L-għaqda kompliet tgħid li m’għandiex informazzjoni dwar għalfejn il-kawża ilha daqshekk biex tinstema’.
Dan id-dewmien jidher li qanqal ukoll tħassib kbir dwar il-fatt li l-partijiet konċernati, inkluż l-għalliem, ilhom jistennew sentejn sabiex jibda l-każ.
Ftit wara li Newsbook.com.mt żvela l-każ, il-Ministeru għall-Edukazzjoni kien ħareġ stqarrija li tgħid li nfetħet inkjesta dwar il-każ.
Dakinhar stess filgħaxija, omm waħda mit-tfajliet allegatament abbużati rrakkuntat ma’ Newsbook.com.mt l-esperjenza ta’ bintha fl-iskola.