Abbuż li Ministru juża fondi pubbliċi biex jamministra l-paġna ta’ Facebook

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, qal li l-użu ta’ riżorsi pubbliċi fl-amministrazzjoni ta’ paġna personali ta’ Ministru fuq Facebook huwa abbuż.

Dan qalu fir-rapport tal-investigazzjoni li għamel fil-fondi li jħallsu għall-amministrazzjoni u r-reklami fuq il-paġna ta’ Facebook tal-eks Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi. L-ilment lill-Kummissarju kien sar lura fit-8 ta’ Mejju tal-2019, u r-rapport ġie ppubblikat fit-2 ta’ Diċembru tal-istess sena. L-ilment tad-deputat Karol Aquilina kien jitratta dwar kontenut ta’ natura partiġġjana f’paġna fuq Facebook li kienet tidher qisha paġna uffiċċjali amministrata mill-Ministeru għat-Turiżmu.

Ir-rapport ta’ Hyzler jgħid li huwa abbuż jekk ministru juża riżorsi pubbliċi biex jamministra l-paġna personali tiegħu fuq Facebook jew jipproduċi materjal biex itellgħu fil-paġna. Qal li jkun abbuż sew jekk jintużaw fondi pubbliċi u sew jekk impjegati tal-gvern jitqabbdu jagħmlu dan ix-xogħol.

Il-Kummissarju sab li l-paġna rappurtata ma kinitx il-paġna uffiċċjali tal-Ministeru, iżda kienet il-paġna personali tal-Ministru Mizzi. Dan minkejja li l-paġna kien fiha l-kliem li kien il-Ministeru għat-Turiżmu li huwa nkarigat milli jieħu ħsiebha. Qal li dan minkejja wkoll li l-Ministru stess iddeskriviha bi żball bħala paġna uffiċċjali f’risposta li huwa ta għal mistoqsija parlamentari. Irrimarka li dawn l-iżbalji kienu xhieda ta’ nuqqas ta’ distinzjoni bejn l-irwol pubbliku tal-Ministru u dak privat tiegħu bħala politiku.

Hyzler kompla jgħid li ladarba l-paġna kienet tal-Ministru, hu kellu kull dritt li jtella’ fiha kontenut partiġġjan. Qal li iżda kien hemm ukoll il-prattika li impjegati tal-Ministeru jtellgħu aġġornamenti fil-paġna dwar ix-xogħol uffiċċjali tal-Ministru. Qal li dan kien għall-benefiċċju personali tal-ministru hekk kif dan il-kontenut kien isaħħaħ il-profil politiku tiegħu.

Għaldaqstant, il-Kummissarju kkonkluda li ministru m’għandux juża riżorsi pubbliċi biex jamministra l-paġna personali tiegħu fuq Facebook jew jipproduċi kontenut għaliha, anki jekk dan il-kontenut ikun marbut mad-dmirijiet uffiċjali tal-ministru. Insista li hemm bżonn tinżamm distinzjoni ċara bejn mezzi ta’ komunikazzjoni personali ta’ ministru u dawk uffiċċjali ta’ minister jew dipartiment tal-gvern. Qal li r-riżorsi pubbliċi għandhom jintużaw biss fl-amministrazzjoni ta’ mezzi uffiċjali.

Minkejja li l-Kummissarju laqgħa l-ilment, ma rrakkomanda l-ebda miżuri ulterjuri hekk kif il-Ministru Mizzi rreżenja lura fis-26 ta’ Novembru. Intant se jkun qed iħejji rapport ieħor dwar miżuri li għandhom jiġu segrwiti fl-użu ta’ media soċjali minn ministri u segretarji parlamentari.