“Abbuż kbir li l-qraba tal-anzjani jabbandunawhom u jħalluhom ibatu”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Justyne Caruana saħqet dwar l-importanza tad-dmirijiet morali u legali tal-qraba tal-anzjani għax “qed ikollna wisq anzjani abbandunati u li għaddejjin minn tbatija kbira.” Iddeskriviet dan bħala abbuż kbir.
Fil-jum iddedikat għall-għarfien dwar l-abbuż fuq l-anzjani, Dr Caruana żaret wieħed mill-programmi fiċ-ċentri ta’ matul il-jum, intiż biex iżid l-għarfien u l-prevenzjoni tal-abbuż fuq l-anzjani.
Appellat lill-anzjani li jżuru ċ-ċentri ta’ matul il-jum, biex ma joqogħdux lura milli jirrappurtaw abbuż. Fakkret li s-segretarjat qed jirċievi rapporti b’mod kunfidenzjali fuq il-freephone 80072367.
Dr Justyne Caruana saħqet li l-Gvern dejjem kien kommess li jiġġieled il-problema tal-abbuż fuq l-anzjani.
Elenkat lista ta’ liġijiet u inizjattivi fosthom l-introduzzjoni ta’ pieni aktar ħorox għal min jitressaq fuq abbuż tal-anzjani.
Dr Caruana spjegat li l-Gvern qed jaħdem fuq wegħda elettorali oħra, dik li jinħoloq Kummissarju għall-anzjani. Żiedet tgħid li din il-liġi qiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra u qed tistenna d-diskussjoni fil-Parlament.
Ritratt: DOI – Clifton Fenech