L-Arċisqof Charles Scicluna u Mons. Bertomeu ltaqgħu ma’ 94 persuna bħala parti mill-missjoni tagħhom fiċ-Ċilì biex jgħinu fir-rikonċiljazzjoni tan-nies wara l-iskandlu tal-abbużi sesswali.
Skont is-sit Latercera, din hija aktarx waħda mill-aktar missjonijiet diffiċli tagħhom.
Fil-ġimgħat li għaddew l-Arċisqof Scicluna u Mons. Bertomeu ħejjew rapport ta’ 2,300 paġna li wassal biex il-Papa Franġisku jirrealizza li ma ġġudikax tajjeb is-sitwazzjoni fiċ-Ċilì.
F’Mejju li għadda, aktar minn 30 isqof Ċileni taw ir-riżenja tagħhom lill-Papa Franġisku għaliex ħassew li naqsu milli jipproteġu t-tfal Ċileni mis-saċerdoti li wettqu xi tip ta’ abbuż fuqhom.
L-Arċisqof Charles Scicluna u Mons. Bertomeu waslu f’Osorno lbieraħ.
Huma mistennija jkollhom diversi laqgħat pastorali biex jgħinu fir-rikonċiljazzjoni tad-djoċesi.
Skont il-midja fiċ-Ċilì, Mons. Bertomeu qal li qed jagħmlu minn kollox biex jeqirdu l-kultura tal-abbuż.
Mons. Bertomeu qal li jista’ jkun li l-Papa jitlob maħfra permezz ta’ video conference.
Mons. Scicluna u Mons. Bertomeu ntlaqgħu minn nies ixejru bnadar Ċileni, strixxuni, u bżieżaq ħodor. Skont Latercera, in-nies li laqgħu lil Mons. Scicluna u Mons. Bertomeu huma ‘l bogħod minn rikonċiljazzjoni.
Mons. Bertomeu qal li hemm diviżjoni f’Osorno imma li hemm ukoll opportunità għal komunjoni.
Is-sit Latercera tkellem ma’ mara ta’ 60 sena li kienet fil-Katidral ta’ San Mateo f’Osorno li qalet li l-“Il-Knisja għandha d-dwejjaq”.