Abbuż Ċilì: L‑Arċisqof Scicluna jisma’ aktar esperjenzi ta’ abbuż … illum jibda l-vjaġġ lejn Malta

Read in English.

Il-mibgħuta tal-Papa Franġisku, l-Arċisqof Charles Scicluna u idu l-leminija, Mons. Jordi Bertomeu, illum se jħallu ċ-Ċilì wara li ilhom ġimgħa jiltaqgħu ma’ vittmi ta’ każi ta’ abbuż li ġraw f’diversi djoċesijiet tal-pajjiż, b’mod speċjali f’dik ta’ Osorno.

Sejħa għall-ġustizzja u rfigħ ta’ responsabbiltà

Fl-aħħar ġurnata tal-missjoni pastorali tagħhom fost il-poplu Ċilen, iltaqgħu fost l-oħrajn ma’ erba’ eks seminaristi u żewġ isqfijiet li rrakkontaw l-esperjenzi tagħhom u enfasizzaw li qed jistennew li ssir ġustizzja u li l-Knisja Kattolika terfa’ r-responsabbiltà tagħha u tgħin fil-proċess ta’ fejqan. L-eks seminaristi huma l-istess li kienu rrappurtaw abbuż fid-Djoċesi ta’ Valparaíso u abbuż mill-Isqof Emeritu Gonzalo Duarte.

Preżenti għal din il‑laqgħa fin‑Nunzjatura Appostolika kien hemm l‑Isqof u l‑President tal‑Kummissjoni għall‑Prevenzjoni tal‑Abbuż, Juan Ignacio González, il‑president u s‑segretarju ġenerali tal‑Konferenza Episkopali Ċilena, kif ukoll il‑Kardinal u l‑Arċisqof ta’ Santiago Ricardo Ezzati.

Talba biex jitneħħa l-Isqof Alejandro Goic

Fl-għodwa tat-Tnejn, l-Arċisqof Scicluna u Mons. Bertomeu semgħu minn tal-inqas tliet testimonjanzi oħra, fosthom ta’ Elisa Fernández , li kienet irrappurtat 14-il saċerdot fid-Djoċesi ta’ Rancagua, fiċ-ċentru taċ-Ċilì, b’akkużi li jagħmlu parti minn grupp sigriet imsejjaħ “La Familia” (Il-Familja), li allegatament fis-snin riċenti wettqu abbużi sesswali u mġiba mhux xierqa quddiem minuri u żgħażagħ.

Fernández talbet lill-Arċisqof Scicluna biex ineħħi lill-Isqof Alejandro Goic bħala investigatur tal-kummissjoni li tissanzjona saċerdoti fid-Djoċesi ta’ Rancagua. Dan għaliex skontha, it-trasparenza u l-ġustizzja qatt ma jistgħu jseħħu minħabba li f’sena u nofs l-Isqof Goic qatt ma ħa azzjoni tal-ilmenti ta’ abbuż li wasslu quddiem id-djoċesi.

Qabel iħalli ċ-Ċilì, l-Arċisqof Scicluna hu mistenni jħabbar l-isem jew l-ismijiet ta’ min se jmexxi l-uffiċċju li se jilqa’ u jipproċessa r-rapporti ta’ abbuż sesswali fi ħdan il-Knisja Ċilena. L-uffiċċju se jkun faċċata tan-Nunzjatura Appostolika fil-belt ta’ Santiago de Chile.

Apoloġija f’isem il-Papa Franġisku

Fil-Quddiesa tal-Ħadd, għarkupptejh, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-Papa talbu biex f’ismu jitlob apoloġija lil kull persuna fid-Djoċesi ta’ Osorno u anke lil dawk li jgħixu fil-periferija tal-belt, talli weġġagħhom u anke offendiehom. Il-“Quddiesa ta’ Rikonċiljazzjoni” saret fil-katidral ta’ San Mattew, f’Osorno.

L-Arċisqof Scicluna rringrazzja lill-persuni ta’ rieda ta’ tajba għall-imħabba tagħhom lejn il-Knisja u x-xewqa ta’ rikonċiljazzjoni, li skont l-Arċisqof, din ma tistax isseħħ biss permezz ta’ missjoni pastorali ta’ ftit jiem iżda hu proċess twil li jirrikjedi l-paċenzja, il-ġenerożità, il-qawwa u l-umiltà.