Read in English.
L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna qal li kellu laqgħa mimlija b’emozzjonijiet mal-qassisin u d-djakni bħala parti mill-missjoni tiegħu fiċ-Ċilì.
Skont il-midja Taljana, Mons. Scicluna qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret wara l-laqgħa tal-bieraħ.
Mons. Scicluna ddeskriva l-laqgħa bħala waħda “pożittiva”.
L-Arċisqof qal li huwa dmir tal-ġustizzja li ssir investigazzjoni dwar il-każ tal-abbużi sesswali mill-qassisin.
Fi kliem l-Arċisqof hemm diviżjoni fil-familji kollha imma żied jgħid li hemm rieda tajba biex tinqaleb folja ġdida f’Osorno fiċ-Ċilì.
Spjega li l-missjoni tiegħu f’Osorno flimkien ma’ Mons. Bertomeu se tintemm għada permezz ta’ quddiesa.
Osorno kienet fiċ-ċentru ta’ dan l-iskandlu minn meta l-Papa Franġisku appunta lil Juan Barros Madrid bħala Isqof. Ħafna kienu dawk li kkritikaw din id-deċiżjoni minħabba li Barros Madrid kien akkużat li għatta l-abbuż li twettaq mill-qassis Fernando Karadima.
Skont is-sit Latercera, Mons. Scicluna qal li l-Knisja għandha tikkollabora mall-ġustizzja ċivili. Qal li l-abbuż tat-tfal mhuwiex reat kanoniku imma huwa offiża ċivili.
Dan qalu wara li l-Pulizija u prosekuturi Ċileni daħlu fl-uffiċċji tad-djoċesijiet ta’ Santiago u ta’ Rancagua, ifittxu fajls, rapporti investigattivi u anke dokumenti relatati mal-iskandlu tal-abbuż sesswali li tefa’ dawl ikrah fuq il-Knisja Kattolika fiċ-Ċilì.
Skont Latercera, xi qassisin u lajċi oħra mhux se jkunu qed jattendu l-quddiesa ta’ għada jekk jibqgħi ma jkunux jafu għalfejn ir-riżenja tal-Isqof Barros ġiet aċċettata.
L-Arċisqof Charles Scicluna u Mons. Bertomeu ltaqgħu ma’ aktar minn 94 persuna bħala parti mill-missjoni tagħhom fiċ-Ċilì biex jgħinu fir-rikonċiljazzjoni tan-nies wara l-iskandlu tal-abbużi sesswali.