Abbuż Ċilì: “Jiddeċiedi l-Papa jekk jiżvelax ir-rapport”

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna, il-mibgħut tal-Papa Franġisku biex jinvestiga l-abbuż sesswali mill-kleru fiċ-Ċilì, qal li jiddeċiedi l-Papa jekk jagħtix ir-rapport tiegħu lill-awtoritajiet tal-pajjiż.

Reuters irrappurtat lill-Arċisqof jgħid lill-ġurnalisti fiċ-Ċilì, li r-rapport mhux tiegħu, iżda tal-Papa, u li għaldaqstant kull talba trid tintbagħat lilu bħala l-Mexxej tal-Knisja Kattolika.

Ir-rapport huwa dak li ħejja Mons. Scicluna wara ż-żjara tiegħu fiċ-Ċilì fi Frar li għadda. Fir-rapport ta’ 2,300 paġna li ta lill-Papa, hemm intervisti li saru mal-vittmi ta’ abbuż sesswali.

Skont il-ġurnal La Tercera, l-awtoritajiet Ċileni qalu li se jitolbu d-dettalji tal-allegati vittmi u ta’ dawk li wettqu l-abbuż.

Lill-ġurnalisti, l-Arċisqof Scicluna qalilhom li se jibda jiġi offrut servizz, fejn lajċi u uffiċjali tal-Knisja jisimgħu iktar allegazzjonijiet ta’ abbuż. Wiegħed li l-Knisja se tibqa’ taħdem biex issir ġustizzja mal-vittmi.