Abbuż Ċilì: Il-Pulizija tagħmel tfittxija fl-uffiċċji ta’ żewġ djoċesijiet Ċileni

Pulizija u prosekuturi Ċileni daħlu fl-uffiċċji tad-djoċesijiet ta’ Santiago u ta’ Rancagua, ifittxu fajls, rapporti investigattivi u anke dokumenti relatati mal-iskandlu tal-abbuż sesswali li tefa’ dawl ikrah fuq il-Knisja Kattolika fiċ-Ċilì.

It-tfittxijiet, li seħħew b’sorpriża, saru fil-Qorti Ekkleżjastika ta’ Santiago kif ukoll fl-uffiċċju tal-isqof ta’ Rancagua, fejn 14-il saċerdot huma akkużati li kellhom relazzjoni sesswali ma’ minuri.

Il-Kardinal Ricardo Ezzati, l-Arċisqof ta’ Santiago, qal li l-uffiċjali tal-Knisja “taw lill-prosekuturi d-dokumenti kollha li kellhom bżonn”. Saħaq ukoll li d-Djoċesi ta’ Santiago “hi lesta li tikkopera b’mod sħiħ mal-awtoritajiet tal-ġustizzja”.

L-awtortajiet Ċileni mistennija jinvestigaw ukoll ir-rapporti li ntbagħtu mid-djoċesijiet rispettivi lill-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, id-dekasteru tal-Vatikan li ilu jieħu ħsieb dawn il-każi mill-2007 sal-lum, kif ukoll ser jinvestigaw is-sanzjonijiet li l-Knisja ħadet skont il-Liġi Kanonika.

L-Erbgħa stess, meta saru t-tfittxijiet, il-mibgħut tal-Papa Franġisku fiċ-Ċilì, l-Arċisqof Charles Scicluna, flimkien ma’ Mons. Jordi Bertomeu, li qed jinvestigaw il-każi ta’ abbużi fuq minuri minn membri tal-kleru, iltaqgħu ma’ erba’ prosekuturi Ċileni, inkluż ma’ Emiliano Arias u l-Avukat Ġenerali, Jorge Abbott.

Waqt il-missjoni pastorali tiegħu ta’ bħalissa fiċ-Ċilì, l-Arċisqof Scicluna qal li l-għan ewlieni ta’ din iż-żjara hu li jgħin fit-tisħiħ tal-istrutturi legali b’rabta mal-akkużi ta’ abbuż mill-kleru u jipprovdi wkoll għajnuna teknika u legali lid-djoċesijiet taċ-Ċilì. L-Arċisqof stqarr li bl-għajnuna wkoll tal-Kattoliċi Ċileni, jistgħu jibdew jittieħdu l-miżuri neċessarji għat-tiġdid tal-Knisja Kattolika fiċ-Ċilì.

Fil-ġimgħat li għaddew l-Arċisqof Scicluna u Mons. Bertomeu ħejjew rapport iddettaljat ta’ 2,300 paġna li wassal biex il-Papa Franġisku jirrealizza li ma ġġudikax tajjeb is-sitwazzjoni fiċ-Ċilì.

Fil-fatt, f’Mejju li għadda, aktar minn 30 isqof Ċileni taw ir-riżenja tagħhom lill-Papa Franġisku għaliex ħassew li naqsu milli jipproteġu t-tfal Ċileni mis-saċerdoti li wettqu xi tip ta’ abbuż fuqhom.

Stqarrija li ħarġet mis-Santa Sede nhar it-Tnejn li għadda tgħid li l-Papa Franġisku laqa’ r-riżenja tal-Isqof ta’ Osorno Juan Barros, tal-Isqof ta’ Valparaiso Gonzalo Duarte u tal-Isqof ta’ Puerto Montt Cristian Caro.