Abbuż Ċilì: Il-Papa se jiltaqa’ ma’ aktar vittmi

POPE-BISHOPS

Il-Papa Franġisku se jkun qed jilqa’ ġewwa l-Vatikan grupp ieħor ta’ vittmi ta’ abbuż sesswali minn qassisin fiċ-Ċilì.
Din l-aħbar ħarġet mill-Vatikan stess ftit jiem biss wara li l-34 Isqof tal-pajjiż offrew ir-riżenja tagħhom wara d-diskussjonijiet imqanqla li kellhom mal-Papa fiċ-Ċilì stess.
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Papa ltaqa’ ma' tliet irġiel, li kienu sfaw vittma ta’ qassis li qed jiġi akkużat li abbuża subien f’Santiago bejn l-1970 u l-1980.
It-tieni grupp jinkludi wkoll qassisin oħrajn li wkoll sfaw vittmi tal-istess qassis.
Total ta’ seba’ vittmi se jiltaqgħu mal-Papa bejn l-1 u t-3 ta’ Ġunju.
Il-Vatikan spjega li permezz ta’ dawn il-laqgħat, il-Papa jrid juri li hu viċin ta’ dawn il-qassisin abbużati, u se jgħinhom bis-sħiħ billi jisma’ l-ideat tagħhom dwar kif il-Knisja tista’ ttejjeb il-miżuri preventivi li hemm bħalissa u kif tista’ tikkumbatti aħjar dawn it-tip ta’ abbużi.
Il-każ idur mas-saċerdot Ċilen, Karadima, li kellu storja ta’ abbużi sesswali fuq tfal u minorenni.
Il-Papa Franġisku kien qabbad lill-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna, biex imur personalment u jitkellem ma’ dawn il-vittmi ta’ abbuż mill-Kleru fiċ-Ċilì u jinvestiga wkoll jekk hux minnu, kif kienu allegaw il-vittmi, li l-Isqof ta’ Osorno, Juan de la Cruz Barros Madrid, kienx jaf b’dawn l-abbużi u għalaq għajnejh.
Iż-żjara tal-Arċisqof wasslet għal rapport twil 2,300 paġna li wassal lill-Papa biex jammetti li żbalja fil-mod kif kien irrisponda għall-kritika dwar dawn l-abbużi meta kien waqt iż-żjara pastorali fiċ-Ċilì u l-Perù.
Ritratt: Reuters