Abbuż Ċilì: Il-Papa b’ittra lill-Isqfijiet Ċileni; isemmi tibdiliet

Il-Papa Franġisku kiteb u qassam ittra ta’ ringrazzjament lill-Isqfijiet kollha fiċ-Ċilì wara li temm l-aħħar laqgħa li kellu skedata magħhom illum fis-7:40pm.
Fl-ittra mqassma lill-34 Isqof, il-Papa semma li se jkunu qed jittieħdu deċiżjonijiet dwar tibdiliet u riżoluzzjonijiet li għandha tieħu l-Knisja li jridu jiġu implimentati fiż-żmien li ġej sabiex tiġi rrestawrata l-ġustizzja u l-għaqda ekkleżjali.
Hu rringrazzjahom talli laqgħu l-istedina tiegħu sabiex flimkien jagħtu ħarsa lejn l-avvenimenti xejn sbieħ li xxukkjaw iċ-Ċilì u dgħajfu l-komunità li l-Knisja Ċilena ħadmet b’mod sħiħ biex tibni.
Spjega kif fil-laqgħat iddiskutew fid-dettall l-abbużi fuq minuri, l-abbużi ta’ poter u anke tal-kuxjenza, u ffukaw fuq il-konsegwenzi traġiċi li dawn ġabu magħhom, partikolarment għall-vittmi.
Fl-ittra l-Papa qal li talab għall-maħfra mingħand dawn il-vittmi. Dan minħabba li meta kien iċ-Ċilì kien xejjen il-protesti taċ-Ċileni dwar l-Isqof t’Osorno, għax qal li kienu biss xnigħat, iżda wara li qabbad lill-Arċisqof Charles Scicluna biex jinvestiga, u dan tah rapport ta’ 2,300 paġna, il-Papa bidel fehemtu u rrealizza li kien żbalja.
Fl-ewwel laqgħa li kellu l-Papa kien talab lill-Isqfijiet biex iqattgħu 24 siegħa jitolbu, jirriflettu u jimmeditaw fuq temi speċifiċi li pprovdielhom.  Dawn it-temi ma ġewx ippubblikati.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet qabel bdew il-laqgħat, l-Isqof Juan Ignacio Gonzalez ta’ San Bernardo fiċ-Ċilì qal li ma jistax jeskludi li wara l-laqgħat tal-Isqfijiet mal-Papa Franġisku, ikun hemm uħud minnhom li jirriżenjaw jew jitkeċċew minħabba dan l-iskandlu. 
Ix-xahar li għadda Franġisku ltaqa’ ma’ xi vittmi tal-abbużi sesswali tal-qassis Karadima, li qalulu li l-Knisja fiċ-Ċilì kienet ittrattathom daqslikieku kienu għedewwa fl-aħħar 10 snin minn kemm ilhom jitkellmu.
Sadanittant, kien tkellem ukoll it-tabib tal-allegat aggressur innifsu, Karadima, li lill-midja qalilha li l-qassis ħaliflu quddiem it-tabernaklu li qatt ma kellu relazzjonijiet ma’ minuri.
Ritratt: Vatican Media