Abbuż Ċilì: Ikompli t-tfittix fl-uffiċini tal-isqfijiet

Reuters

Prosekutur fiċ-Ċilì qal li l-uffiċċju tal-isqof tal-armata għadda minn tfittxijiet bħala parti mill-investigazzjoni fl-akkużi li uffiċjali għoljin tal-Knisja għattew abbużi sesswali minn qassisin fil-pajjiż.

Emiliano Arias, il-Provinċjal Prosekutur li tkellem mal-ġurnal Reuters qal li t-tfittxijiet fl-uffiċċju ta’ Santiago Silva saru fuq ordni mill-Qorti. Silva huwa wkoll il-president tal-Konferenza tal-Isqfijiet fiċ-Ċilì.

Arias spjega li mill-uffiċċju ttieħdu dokumenti li fuqhom kellhom numru ta’ ilmenti li saru aktar minn 20 sena ilu lil Silva u lill-isqof li kien hemm qabel, Juan Barros, dwar l-abbużi sesswali.

Dan kien wieħed fost it-tmien uffiċċji li għaddew minn tfittxijiet hekk kif qed ikompli x-xogħol sabiex tinstab aktar evidenza dwar il-każ.

F’Jannar, il-Papa Franġisku kien skuża ruħu mal-vittmi tal-abbużi sesswali li ltaqa’ magħhom fiċ-Ċilì, jekk bil-kliem li uża fid-difiża tal-Isqof Barros, għażel kliem li seta’ offendihom.

F’Ġunju, l-34 isqof fiċ-Ċilì ntalbu jmorru Ruma wara li l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna ppreżenta dokument ta’ 2,300 paġna wara investigazzjoni li ntalab jagħmel mill-Papa Franġisku stess.

Ir-rapport allega li l-uffiċjali tal-Knisja fiċ-Ċilì ma kienux ħadu azzjoni meta rċevew l-ilemnti tal-abbużi sesswali. S’issa r-rapport wassal sabiex il-Papa jaċċetta r-riżenja ta’ ħamsa minn dawn l-isqfijiet, inkluż dik ta’ Juan Barros.