Abbuż Ċilì: “Ġejna biex nagħtu pariri legali” – L-Arċisqof

Archbishop Charles Scicluna and father Jordi Bertomeu, Special Vatican envoys, and apostolic nuncio in Chile Ivo Scapolo deliver a news conference in Santiago, Chile June 12, 2018. REUTERS/Rodrigo Garrido

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-objettiv prinċipali taż-żjara tiegħu fid-Djoċesi ta’ Osorno fiċ-Ċilì ma kinitx biss biex jesprimi kemm il-Papa Franġisku jħossu qrib tal-knisja lokali, imma biex jgħin fl-istrutturi legali li hemm bżonn b’rabta mal-akkużi ta’ abbuż mill-kleru.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċilì, Mons. Scicluna qal li parti miż-żjara saret biex tiġi provduta assistenza teknika u legali lid-djoċesijiet taċ-Ċilì biex ikun hemm rispons adegwat b’rabta ma’ kull każ ta’ abbuż sesswali li jinvolvi qassisin.

L-Arċisqof stqarr li bl-għajnuna tal-kattoliċi fiċ-Ċilì jistgħu jibdew jittieħdu l-passi neċessarji għal tiġdid ekkleżjastiku.

Mons. Scicluna huwa l-aktar uffiċjal għoli fi ħdan il-Vatikan fejn jidħlu każijiet ta’ appell dwar l-abbuż sesswali.

Scicluna bħalissa jinsab fuq missjoni pastorali fiċ-Ċilì mal-Mons. Jordi Bertomeu. Il-missjoni mistennija ddum sad-19 ta’ Ġunju.

Fi Frar li għadda, Mons. Scicluna u Mons. Bertomeu ntbagħtu Santiago biex jinvestigaw il-kriżi ta’ abbuż sesswali fiċ-Ċilì.

It-Tnejn li għadda, il-Vatikan ħabbar li l-Papa aċċetta r-riżenja tal-Isqof Juan Barros Madrid li ġie akkużat li għatta każijiet ta’ abbuż sesswali.

Mal-wasla tiegħu fiċ-Ċilì, l-Isqof Bertomeu qal li ġie flimkien ma’ Mons. Scicluna biex jitolbu maħfra f’isem il-Papa.