Abbuż Ċilì: “Bil-wasla ta’ Scicluna kollox se jiġi f’postu”

Ritratt: Midja Ċilena - Agency One

L-Amministratur Appostoliku l-ġdid ta’ Osorno, Dun Jorge Concha qal li bil-wasla tal-Arċisqof Charles Scicluna fiċ-Ċilì “kollox se jiġi f’postu”.

Mons. Charles Scicluna u Mons. Jordi Bertomeu, il-mibgħuta speċjali tal-Papa Franġisku fiċ-Ċilì, irritornaw f’dan il-pajjiż dalgħodu biex jissoktaw bil-missjoni tagħhom b’rabta mal-abbuż sesswali mill-kleru.

Dun Jorge Concha huwa responsabbli tad-Djoċesi ta’ Osorno, wara li  lbieraħ il-Papa aċċetta r-riżenja ta’ tliet isqfijiet, fosthom tal-Arċisqof ta’ Osorno Juan de la Cruz Barros Madrid.

Barros Madrid kien fiċ-ċentru ta’ kontroversja kbira għax kien akkużat li ħeba l-abbużi fuq minorenni mwettqa mis-saċerdot kariżmatiku Karadima.

X’se tfisser iż-żjara tal-Arċisqof Scicluna?

Mal-ġurnal La Tercera, Dun Concha qal li l-wasla tal-Arċisqof Scicluna u Mons. Bertomeu tfisser “pass importanti fi proċess twil”.

Madanakollu, saħaq li hemm it-tama li dan iwassal għal rikonċiljazzjoni u l-affarijiet jaqgħu f’posthom.

L-Amministratur Appostoliku irrimarka li l-Arċisqof Scicluna “se jgħidilna affarijiet importanti u se jippreżentalna modi konkreti dwar kif nistgħu negħlbu d-diffikultajiet”.

Huwa mistenni jiltaqa’ maż-żewġ mibgħuta tal-Papa possibilment għada, biex ifasslu pjan dwar is-sitwazzjoni.

Human se jibdew bil-ħidma tagħhom f’Santiago fejn se jdumu jumejn. Imbagħad imorru lejn in-Nofsinhar tal-pajjiż biex ikomplu bl-investigazzjoni. Din id-darba se jkollhom ukoll l-irwol li jgħinu lill-poplu Ċilen ifiq mill-ġerħa tal-abbuż.

Il-Papa se jaċċetta aktar riżenji minn Isqfijiet Ċileni? 

Intant, mal-midja Ċilena, Mons. Bertomeu qal li huma marru biex jagħmlu apoloġija f’isem il-Papa.

Skont is-sit T13, Bertomeu evita li jgħid jekk il-Papa Franġisku hux se jaċċetta aktar riżenji ta’ Isqfijiet, wara t-tlieta tal-bieraħ.

Ix-xahar li għadda kienu 34 l-Isqfijiet li offrew ir-riżenja lill-Papa wara r-rapport li ħejja l-Arċisqof Charles Scicluna bbażat fuq l-ewwel żjara tiegħu fiċ-Ċilì.

Ġie rrappurtat ukoll li Barros ħalla l-belt Ċilena bla kliem u bla sliem. Ħareġ biss ittra fid-9am li fiha qal li b’umiltà jitlob apoloġija għal-limitazzjonijiet tiegħu u dak li ma rnexxilux jagħmel. Madanakollu m’għamel l-ebda referenza għall-akkużi.