Abbozz ta’ liġi li “jniedi Enemalta ġdida” – ebda telf ta’ impjieg

L-abbozz ta’ liġi li qed jiġi diskuss illejla fil-Parlament se jwassal għat-tnedija ta’ Enemalta ġdida li tkompli tkattar ix-xogħol u tkompli ttejjeb il-ħidma tagħha.
Il-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi qal dan fil-ftuħ tad-diskussjoni, wara deċiżjoni mill-Ispeaker li din setgħet issir minkejja li l-Gvern ma ppubblika ebda ftehim li hu għandu dwar il-korporazzjoni, u dan minkejja oġġezzjoni mill-Oppożizzjoni. Ilbieraħ, is-seduta tħassret wara li l-Oppożizzjoni rrimarkat li ma kienx hemm kworum.
Konrad Mizzi qal li l-abbozz ta’ liġi li qed jippreżenta l-Gvern se jwassal għat-twelid ta’ Enemalta plc u għal Engineering Resources Ltd. B’hekk l-Enemalta ma tibqax korporazzjoni tal-Gvern imma tkun obbligata timxi mal-liġijiet li jirregolaw il-kumpaniji. Qal li bl-abbozz ta’ liġi jiġu trasferiti d-dejn kollu, l-assi kollha, kull kuntratt jew drittijiet, kull obbligu jew kull każ il-Qorti, kif ukoll il-ħaddiema kollha skont l-iscale tagħhom se jgħaddu lill-kumpanija l-ġdida kif inhuma llum. B’hekk, il-kumpanija l-ġdida se tkun qed tixtri lill-Korporazzjoni Enemalta b’garanzija ta’ impjieg lill-ħaddiema.
Qal li l-Gvern qed jimxi fuq ħames prinċipji miftehma mal-unions tal-ħaddiema – li l-impjieg tal-ħaddiema hu garantit; li l-kundizzjonijiet tal-ftehim kollettiv se jiġu rispettati kollha; li ebda ħaddiem m'hu se jkun obbligat li jieħu opportunitajiet barra l-pajjiż, jekk jinħolqu, u li f'dan il-każ se jinħarġu sejħiet għall-applikazzjonijiet; il-ħaddiema jintbagħtu f’sezzjonijiet differenti permezz ta’ secondment; m'hi se ssir ebda diskriminazzjoni meta jinħolqu opportunitajiet ta' xogħol ġodda.
L-Oppożizzjoni qalet li dan l-abbozz ta' liġi qed jipprepara għall-bejgħ parzjali tal-assi tal-Korporazzjoni Enemalta li issa se tispiċċa. George Pullicino qal li l-ħaddiema se jgħaddu f'idejn Engineering Resources Ltd filwaqt li l-bqija se jmur f'idejn Enemalta plc. Qal li b'din il-liġi, il-Gvern se jkun jista' jbiegħ dik li kien isejjaħ "fabbrika tal-kanċer" liċ-Ċiniżi, u l-Petroleum Division fi ftehim sigriet mal-kumpanija privata Electrogas. Staqsa jekk il-ħaddiema hux se jieħdu l-istess paga d-dar jew jekk il-Gvern hux qed jiggarantilhom biss l-impjieg minkejja li qabel l-elezzjoni ġenerali wiegħdhom mod ieħor.