Abbozz ta’ Liġi dwar il-Midja u l-Malafama – “Assalt fuq il-Kostituzzjoni”

Id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi, il-Professur Kevin Aquilina kkritika l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Midja u l-Malafama li fi kliemu huwa eżempju ċar ta’ “assalt fuq il-kostituzzjoni.”
Huwa qal dan waqt li indirizza lil dawk li ggradwaw bħala Avukati fil-grad ta’ Maġisteru u dawk li kisbu l-istess grad fl-Istudji Notarili.
Fid-diskors tiegħu, id-Dekan kien qed jitkellem dwar il-bżonn li l-istudenti tal-liġi ma jistudjawx biss il-liġi imma anke kif jiktbuha bil-għan li l-liġijiet li jgħaddu fil-Parlament ma jkunux imorru kontra l-Kostituzzjoni.
Skont il-Professur, l-abbozz imressaq mill-Gvern jintroduċi trattament differenti fuq dawk akkużati b’offiża kriminali filwaqt li jħalli l-libertà tal-espressjoni għall-ġurnalisti biss u jeskludi lil dawk kollha li jridu jesprimu l-opinjoni b’modi differenti.
Kien hawn li saħaq li ma kinitx sorpriża li l-Gvern iħalli dan l-abbozz imut mewta naturali wara li ħafna esprimew ruħhom kontrih.
Dan kien biss wieħed mill-abbozzi u l-liġijiet li kkwota l-Professur biex isaħħaħ l-argument tiegħu li l-Parlament għandu “vizzju ikrah” li jdaħħal liġijiet li jmorru kontra l-akbar liġi tal-pajjiż, jiġifieri l-Kostituzzjoni.
Fost dawk li kienu kkummentaw kontra dan l-abbozz ta’ liġi kien il-Kap tad-Dipartiment tal-Midja fl-Università ta’ Malta, Dr Ġorġ Mallia li filwaqt li kien saħaq li l-abbozz jinkludi miżuri pożittivi, fosthom it-tneħħija tal-libell kriminali u tas-sekwestru finanzjarju, stqarr li ma jaqbilx li wieħed irid jirreġistra biex ikun jista’ jesprimi ruħu, miżura li kien sejħilha tirana u redikola.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-Gvern reġa’ ppreżenta l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Midja u l-Malafama. Dan intlaqa' tajjeb mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin wara li ġie emendat bis-suġġerimenti u l-proposti kollha li kien ressaq.

  • It-tneħħija darba għal dejjem tal-libell kriminali
  • It-tneħħija tal-mandati kawtelatorji f’kawżi ta’ libelli
  • Il-protezzjoni tas-sors f’kull każ

Anke il-Front Kontra ċ-Ċensura stqarr li jemmen li dawn ir-riformi huma pass kbir ‘il quddiem, għaliex se jkomplu jżarmaw u jtaffu l-liġijiet ta’ ċensura f’Malta, b’mod speċjali fejn jidħlu il-liġijiet tal-libell.

Ritratt: Ian Noel Pace