Abbozz ta’ liġi biex ikun irregolat it-traffikar u l-isfruttament ta’ persuni

Il-Gvern ippubblika l-abbozz ta’ liġi li tirregola t-traffikar ta’ persuni inkluż l-atti diżonesti u l-isfruttament sesswali jew fir-rigward ta’ xogħol ta’ persuni.

Diversi emendi jinkludu d-direttivi hekk kif maħruġa mill-Unjoni Ewropea, bil-għan li jkunu protetti dawk il-persuni li jiġu sfruttati w’użati. L-abbozz jinkludi wkoll diversi sanzjonijiet għal min jinqabad jikser id-drittijiet tal-bniedem.

L-emendi jinkludu wkoll ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-grupp t’esperti fir-rapport li sar fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, anke fir-rigward ta’ Malta.

Il-Gvern sostna li m’għandu l-ebda intenzjoni li jittollera sitwazzjonijiet fejn persuni jkunu esposti biex ikunu sfruttati minn traffikanti u għalhekk se jkun qed jieħu aktar miżuri biex jippreveni sitwazzjonijiet simili.